Raġel imut f'inċident bejn ambulanza u karozza fix-Xemxija | One News

Notifiki

Raġel imut f’inċident bejn ambulanza u karozza fix-Xemxija

Ġuvni Ingliż tilef ħajjtu wara li l-karozza li kien fiha kienet inolvuta f’inċident tat-traffiku fis-siegħa u għoxrin tas-Sibt filgħodu fi Triq Telgħa ta’ Selmun fix-Xemxija.

Mill-ewwel stħarriġ tal-pulizija rriżulta li karozza tat-tip Daihatsu Sirion kienet qed tinstaq minn Ingliż, li għal xi raġuni tilef il-kontroll, bil-konsegwenza li l-karozza marret fil-karreġġjata opposta u baqgħet dieħla f’ambulanza.
Il-passiġġier li kien fuq quddiem tal-karozza ġie dikjarat mejjet fuq il-post, ix-xufier qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li għad mhix magħrufa l-kundizzjoni ta’ żewġ ġuvintur oħra li kienu fuq wara tal-karozza.

Dan filwaqt li fl-ambulanza kien hemm xufier, membru tal-ekwipaġġ, pazjenta u qraba tagħha.

Il-membru tal-ekwipaġġ, mara ta’ tmienja u tletin sena minn San Pawl il-Baħar, qed issofri ġrieħi ħfief filwaqt li l-pazjenta, mara ta’ wieħed u ħamsin sena mill-Mellieħa, qed issofri minn ġrieħi gravi.

Il-kundizzjoni tax-xufier u ż-żewġ qraba l-oħra tal-pazjenta għadha mhix magħrufa.

Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Intant permezz ta’ stqarrija l-isptar Mater Dei spjega kif matul il-lejl li għadda ambulanza tar-Red Cross li kienet qed tittrasporta pazjenta mill-Isptar Mater Dei lura lejn darha, kienet involuta f’aċċident ma’ vettura oħra. Minn żmien għall-ieħor l-Isptar Mater Dei jagħmel użu mis-servizzi tar-Red Cross għat-trasport tal-pazjenti.

Fl-ambulanza – minbarra żewġ paramediċi – kien hemm pazjenta akkumpanjata mit-tifla tagħha. Dawn ittieħdu lura Mater Dei għall-kura. Fil-karozza involuta fl-aċċident kien hemm erbat irġiel li wieħed minnhom ġie ddikjarat mejjet fuq il-post waqt li t-tlieta l-oħra ttieħdu l-Isptar Mater Dei.

L-Isptar Mater Dei rrisponda għal dan l-aċċident permezz ta’ ħames ambulanzi u ta’ żewġ rapid response units.

Ritratt: TVM / Brandon Pisani

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend