Jekk se ssiefer l-Erbgħa aħseb kmieni | One News

Notifiki

Jekk se ssiefer l-Erbgħa aħseb kmieni

Filwaqt li ħafna qegħdin jippakkjaw il-bagalji biex jieħdu l-vaganza tas-sajf tagħhom, it-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jantiċipa jiem li ser iġibu magħhom ħafna aktar xogħol.

Awwissu huwa l-aktar xahar impenjattiv għall-ajruport u, din is-sena, in-numru ta’ passiġġieri mistenni jilħaq il-quċċata tiegħu fis-17 tax-xahar. Dakinhar, huwa mistenni li mit-terminal jgħaddu mas-26,000 passiġġier.

Filwaqt li t-terminal ser jara volum kbir ta’ passiġġieri, ir-runway ser tara ħafna movimenti tal- ajruplani. Fil-fatt, xejn anqas minn 167 tlugħ u nżul huma skedati għall-aktar jum impenjattiv tas-sajf fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Din l-attività kollha mistennija tintlaqa’ tajjeb minn dawk li huma dilettanti tal-fotografija tal-avjazzjoni.

Grupp ta’ greeters, lebsin T-shirt magħmul apposta mid-disinjatur lokali Marco Parascandalo, ser ikunu qed iqassmu affarijiet żgħar tal-ikel u xarbiet kesħin madwar it-terminal lill-passiġġieri li ser ikunu qed jivvjaġġaw fil-jiem li ġejjin.

Jekk ser tgħaddi mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’dan il-perjodu ta’ vaganzi, nirrakkomandaw li ssegwi l-punti ta’ hawn taħt sabiex ikollok vjaġġ mill-aktar pjaċevoli.

  • Ara li tasal fil-ħin

L-ajruport jirrakkomanda li tasal it-terminal sagħtejn qabel it-titjira tiegħek. B’hekk ikollok biżżejjed ħin sabiex tipproċessa d-dokumenti tal-ivvjaġġjar u l-bagalji tiegħek, tasal wasla sal-gallerija tal- osservazzjoni l-ġdida tagħna, u anki ddur il-ħwienet jew tiekol xi ħaġa qabel ittir. Barra minn hekk, fiż-żona tat-tluq tal-ajruport wieħed jista’ jikkompeti f’xi logħob u anki jirbaħ xi premjijiet.

  • Aqbad taxi

L-ajruport joffri parkeġġ b’numru tajjeb ta’ spazji, iżda tista’ tibda l-btala tiegħek minn qabel billi tibbukkja taxi sal-ajruport. Taxi twaqqfek eżatt quddiem it-terminal u b’hekk tkun biss minuta ’l bogħod mid-desks taċ-check-in! Barra minn hekk, tajjeb tkun taf li bħalissa għaddej proġett ta’ xogħlijiet fit-toroq ta’ madwar l-ajruport, li jista’ jxekkel il-fluss tat-traffiku f’ċerti ħinijiet.

  • Agħmel online check-in

Agħmel online check-in biex tevita li toqgħod tistenna fil-kju, u kun ċert li tipprintja l-pass tiegħek jew li jkollok kopja tiegħu fuq il-mowbajl. L-ajruport joffri wkoll għadd ta’ kjosks fejn tista’ tagħmel check-in int stess. Ara tistax tagħmel użu minn din il-faċilità hawnhekk.

  • Kun af il-piż massimu li tista’ ġġorr

Iċċekkja x’inhu l-piż massimu li tista’ ġġorr mal-linja tal-ajru li se ssiefer magħha u iżen il-bagalji d-dar biex tevita kumplikazzjonijiet żejda ladarba tasal l-ajruport.

  • Kun lest għall-iskrining tas-sigurtà

Ftakar li għandek tneħħi l-oġġetti bil-ponta u l-likwidi mill-bagalji li tkun se ġġorr f’idejk. Il-likwidi jistgħu jinġarru biss jekk ikunu f’kontenituri li jesgħu massimu ta’ 100 ml u jitqiegħu f’borża trasparenti. Battal il-bwiet u inża’ ċ-ċintorin qabel ma jsaqsuk tagħmel dan l-uffiċjali tas-sigurtà biex b’hekk tħaffef il-proċess tal-iskrining.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend