Iż-żieda fil-prezz tal-proprjetà miġġielda bit-titjib fil-ġid tal-poplu   – One News

Iż-żieda fil-prezz tal-proprjetà miġġielda bit-titjib fil-ġid tal-poplu  

Rapport tal-Bank Ċentrali dwar l-istabbiltà finanzjarja ta’ Malta  ikkonferma li s‑sistema finanzjarja lokali baqgħet b’saħħitha u reżiljenti għal numru ta’ sfidi ewlenin.

Fil-fatt ir-rapport iżid jgħid li s-sistema finanzjarja hi msaħħa minn kundizzjonijiet makroekonomiċi domestiċi favorevoli. Barra minn hekk, ir‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja ssaħħet minn numru ta’ miżuri li kienu implimentati fl‑2016 fosthom dawk marbuta mar‑riskju marbut mas‑self.
Fil-fatt, jirriżulta li dan ir‑riskju naqas wara titjib fil-kwalità tas-self flimkien ma’ hemm imsejjħa write-offs ta’ xi self li jmur lura fiż-żmien.
Il-Bank innota wkoll kif riskji potenzjali relatati ma’ żidiet tal-prezzijiet tal-proprjetà li seħħew minħabba li s-settur tal-kostruzzjoni u l-bejgħ tal-proprjetà isaħħew tajjeb ħafna, huma mrażżna minn titjib fil‑ġid tal‑individwi.
Waħda mir-raġunijiet hi l-kundizzjonijiet favorevoli fis‑suq tax‑xogħol, kif ukoll minn politika konservattiva ta’ self tal‑banek.
Minbarra li l‑prospetti għall‑istabbiltà finanzjarja baqgħu pożittivi, jirriżulta li wħud mir‑riskji identifikati mistennija jkomplu jbattu tul din is-sena.
Madankollu, ma setax jonqos li l‑Bank Ċentrali ta’ Malta jirrakkomanda li l‑banek ikomplu jadottaw prattiċi prudenti ta’ self u fl‑istess waqt ikunu kawti meta jiġu biex jieħdu aktar riskji permezz ta’ standards ta’ kreditu aktar favorevoli għal min jissellef.
“L‑istituzzjonijiet finanzjarji huma mħeġġa jkomplu jkunu effiċjenti biex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom filwaqt li jfittxu sorsi alternattivi ta’ introjtu, sabiex tiġi żgurata profittabbiltà sostenibbli fuq medda ta’ żmien twil, u jinżammu riżervi f’livelli b’saħħithom,” qal il-Bank Ċentrali.
Ta’ QabelLi Jmiss