Rekord fl-ammont ta' passiġġieri li għaddew mill-MIA matul Lulju | One News

Notifiki

Rekord fl-ammont ta’ passiġġieri li għaddew mill-MIA matul Lulju

Is-sajf qiegħed ikun impenjattiv mhux ħażin għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bin-numru ta’ vjaġġaturi li għaddew mit-terminal f’Lulju jirreġistra żieda ta’ aktar minn 90,000 moviment tal-passiġġieri. Din iż-żieda ssarraf fi tkabbir ta’ 15.5%  fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet.

Is-675,111-il moviment tal-passiġġieri ta’ Lulju qabżu r-rekord tat-traffiku preċendenti tal-ajruport – milħuq f’Awwissu 2016 – bi 12%.

Kif ġie nnutat anki f’xhur preċedenti, il-figuri inkoraġġanti ta’ Lulju rriżultaw minn żieda fil-movimenti tal- ajruplani. Dawn kibru bi 13.6%, u sal-aħħar tax-xahar ġew osservati 4,562 tlugħ u nżul tal-ajruplani. Barra minn hekk, in-numru ta’ sits disponibbli fuq it-titjiriet żdied b’16.5%. Minkejja tnaqqis ta’ 1.3 punti perċentwali, is- seat load factor (SLF) ta’Lulju kien wieħed pjuttost għoli ta’ 86.7%.

L-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ma nbidlux minn Ġunju, bir-Renju Unit jokkupa l- ewwel post segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja. Dawn is-swieq kollha rreġistraw livelli varji ta’ tkabbir u, flimkien, kienu responsabbli għal qabża ta’ madwar 53,000 moviment tal-passiġġieri minn Lulju 2016.

L-ammont ta’ passiġġieri minn dawn is-swieq żdied b’riżultat ta’ kapaċità u frekwenzi tat-titjiriet imtejbin fuq rotot bhal Glasgiow, Bari, Frakfurt, Lyon u Madrid, kif ukoll tat-tnedija ta’ rotot ġodda inklużi Bordeaux u Valencia.

It-traffiku ta’ Lulju tella’ n-numru totali ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl- ewwel seba’xhur tas-sena għal madwar 3.3 miljun. Lejn l-aħħar tax-xahar, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ppubblika t-tbassir ta’nofs is-sena tiegħu, fejn ħabbar li qiegħed jistenna li madwar 5.8 miljun passiġġier jgħaddu mit-terminal sal-aħħar tas-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend