Il Grande Piccolettino Sajmintello | One News

Notifiki

Il Grande Piccolettino Sajmintello

“Imma kemm ġejt qisni xiħ bla snien!” qal ix-xiħ bla snien li kien qed jara r-ritratt tiegħu meħud ftit qabel! Tgħiduli biex il-madre ħanina dinja ħiereġ illum? U le, xejn speċjali. Għax dak li għamel dan ix-xwejjaħ huwa eżatt dak li qed jagħmel il-Grande Fratello Piccolettino Sajmin. Iħares lejn il-verità u ma jagħrafiex. Grande Fratello għax ftit ilu qal li se jibqa’ jissorvelja l-ħidma tal-partit u tal-Kap li se jitla’ minfloku. Jiġifieri l-Kap li jmiss se jkun qisu ġemel b’qurdiena f’s… emmm… f’patattu ħa!

Il-kelma Grande għandi naqra diffikultà biha. Grande u Sajmin ma jitħalltux daqs kemm ma jitħallatx iż-żejt mal-ilma, għax dak dejjem jitla’ fil-wiċċ. Imma nsomma. Sajmin għandu quddiemu ritratt tar-rieda tal-poplu li qallu għal erbgħin elf darba “Le! Barra!”, imma kox-jen-ta-ment (qsamtha f’sillabi din, għax twila wisq u anki biex ktibtha ħadt biċċa xogħol!) qiegħed iwarrab dak li jrid il-poplu, li fuq kollox warrab lilu.

Għax kif tista’ tibqa’ sejjer bl-istess diska stunata, wara r-riżultat tal-elezzjoni li għaddiet? U ġieżu ġiez tibqa’ tinsisti li tgħodos fil-ħama tiegħek stess, meta kulħadd qed jgħidlek, “Biddel id-diska Sajmin ħi, għax ma ħadmitx!” Trid tkun altru nieqes mill-melħ f’moħ…

“Għajjut, għajjut …. jaħasra għajjut!”

Is-skiet perfett jaħraq ta’ wara nofsinhar inqata’ ħesrem bl-għajjat imħanġar tal-‘għajjut’. Ħarist ‘l fuq mil-kitba li kont għaddej biha, waqqaft par widnejn daqs ta’ kelb tal-għassa w kemmixt kemm kemm għajnejja, ħa nisma’ sew.

“Jaħasra, għajjut, għajjut x’qatgħa għandi fuqi…”

Ożbreċ. Dan leħen Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel kien! Mingħajr ma’ tajt kas ta’ xejn, inżilt l-24 tarġa għal isfel, ftaħt il-bieb u ġrejt … jew aħjar imxejt ngħaġġel fit-temp li bagħtilna Luċifru, lejn Ċensina. Hemm kienet, fil-bieb tad-dar umli tagħha, b’idejha tagħti fuq wiċċa u tgħajjat l-għajjut.

Kif ratni riesaq bil-pass ħafif lejha, bl-għaraq diġa nieżel forma ta’ river of sweat (żgur li mhux river of love) ma’ postijiet li qabel ma’ kontx konxju daqshekk tagħhom, Ċensina reġgħet bdiet tagħti fuq wiċċa u tgħajjat aktar minn qatt qabel, din id-darba b’ismi mdaħħal fil-kredu.

“Ajtjeeeeeen, jaħasra għajjut, għajjjjjjjut!”

Waqaft ħdejha, issa b’kullimkien iqattar l-għaraq misħut tas-sajf u b’kuxtejja minn wara obżqu l-għaraq qishom l-ilma joskula taċ-Chadwick Lakes f’nofs ix-xitwa.

“X’ġara Ċens?!”, għiditilha, b’par għajnejn miftuħin u b’idi l-leminija nċallas l-għaraq nieżel ma’ moħħi.

“Ħallini u ħallini, Ajtjen ħi”, qaltli hekk kif niżżlet idejha t-tnejn minn ma’ ħaddejha u b’mossa waħda għolliet sidirha u tefgħathom marbutin taħtu. Min naħa tiegħu dan tela’ kwart ta’ metru ‘l fuq miż-żokra, tant li kelli nieħu pass lura, għax bl-imnieħer li għandi u bil-pożizzjoni l-ġdida ta’ sidirha ġejt qisni qed indaħħal il-credit card fix-xaqq tal-magna tal-flus tal-bank.

Erġajt. “X’ġaralek Ċens, rajt xi wirdiena? Fejn, ma nibżax minnhom, għidli fejn u naqbadielek…” Ħassejtni qisni Indiana Jones and the Mighty Cucaracha featuring Speedy Gonzales “Arriba, Arriba, Arriba!”

“Ħallini ta! X’wirdiena, wirdiena! Ara ħa,” qaltli hekk kif neħħiet ir-rabta ta’ taħt sidirha u ppuntat lejn ċilindru tal-gass li kien wara l-antiporta, “Għola wan juwro, u kif tal-gass qalli l-prezz inħsadt u ġġennint, marelli tal-ħniena. Sewwa qalu dawk il-qabda nejjin tal-gażżetta ta’ Sajmin e!”

Kif qaltli hekk, tajtha ħarsa minn dawk ta’ Mr. Bean.

“U ajma, ara sewwa w xieraq dak li qal il-Prim tagħna ta, li messhom avżaw sura ta’ nies, imma biex jgħaġġbuha l-ewwel jieħdu ta! Ara vera għandhom wiċċhom imċappas bil-Casa dan-nies. Insew meta kien mal-għoxrin ewro fi żmienhom, x’kull waħda!”

“Imma Ċens…” F‘qalbi diġa kont qed ngħid “għandek xi fakin ċans Etienne tfendi kelma llum bil-burdata li għandha.” U hekk kien.

“Imma xejn!”, kompliet Ċensina, “Ara vera qabda purċinelli ta, bil-gażżetti indipendenti ta’ ras għajni b’kollox. Puuuu, Alla jagħtini l-glorja tal-ġenna, kemm għadhom ħdura lejn il-Lejboristi. Taf x’hiex imma hux, Ajtjen ħi, aħjar iħarsu ħarsa madwarhom, għax jgħerqu fil-hama qegħdin…”

“Imma Ċens…”

“U ħallik minn imma Ċens! U ħallini niżvoga, x’kull waħda wkoll. Taf x’naf ingħid, li mn’Alla mhux se jibqa’ kap Sajmin tagħhom ta! Għax qed jinkixfu l-borom! Iva, partit maqgħud kellhom, kif kienu jgħidu! Partit taż-żufjett imma! Ara kif kixfilhom kollox Frankie Purtelli. Maaaaa x’mistħija wkoll, ‘kk jafu jistħu! Ara vera qegħdin kif Alla jridhom e! Dritt ġol-ħajt. Kienu jgħidu għalina! Ja qatta’… ja qatta’ ma nafx x’xhiex ara, għax inkella Alla jnixxifli lsieni…”

Sakemm kienet qed titkellem, għajnejja mingħajr ma ridt, iffokaw fuq qatra għaraq li kienet nieżla bil-mod il-mod minn għonq Ċensina. Bdejt nipprova naqta’ f’liema tikmixa kienet se tidħol qabel ma tibqa’ nieżla w nieżla u ssib ruħa…”

“Int fejn qed tħares Ajtjen?”

Kif smajt ismi infxilt. Ħarist lejn għajnejn Ċensina, erġajt ħarist ‘l isfel lejn il-qatra li kienet għodda waslet lejn id-destinazzjoni tagħha. Il-kliem ħareġ bl-iskossi.

“Lejn … lejn … emmm .. lejn .. lejn is-salib tal-ġiżirana, Ċens. Għandu lavur…”

B’Ċensina ma titmejjilx.

“Iva! Eħe lejn il-lavur kont qed tħares? Ara titkessaħx għax niftaħlek moħħok ktieb! Umbgħad naraw min ikollu l-isbaħ lavur…”

“Għax Ċens…”

“Għax x’hiex?”

Ċensina reġgħet bdiet u kompliet għaddejja bla nifs, tħambaq.

“Taf x’hiex, Ajtjen, li kollox qed ikompli jagħti raġun lill-Prim tagħna. Kemm hu bravu, Alla jbierku u jżomm idejh fuqu! Konfużjoni u ġenn. Mhux hekk kien qal qabel l-elezzjoni! Issa ħierġa kollha l-konfużjoni li għandhom. Ara x’qed jgħidu w x’jitgħajjru bejniethom, u tkun taf f’liema abbis jinsabu. Partit tal-puliti wkoll! Puliti kiss my ess, x’kull waħda!”

Mur busu! Għaddieli l-ħsieb minn moħħi!

Erġajt ipprovajt, “Għax ħa ngħidlek…”

“Ħa ngħidlek jien u int ismagħni!”, ħatfitni Ċensina, li issa bdiet tgħolli leħinha aktar ma jmur, “Mela din tar-Russa li ħarbet mhux tajba jew? Qiegħed sew e! Bil-kaxxi tal-fajls vojta, bil-paroli u l-ivvntar kollu w issa ħarbitlu r-Russa. Ħarbitlu nsomma! Ma nafx jien, gax jibdew jidħluli ħsibijiet f’moħħi! Imma taf x’naf ingħid hux? Ajma ħej, kemm kellha serjetà Misis Purċinellatova ta’ Sajmin! Kellha l-provi wkoll! U ajma kemm qegħdin sew! Basta ħarġu l-ħdura kollha kontra l-Lejber u kontra Joseph tagħna, ja qabda… ja qabda …”

Kif kienet wieqfa tfittiex il-kelma, ipprovajt nerġa ndaħħal imqar żewġ kelmiet. Ovvja li ma rnexxilix.

Wiċċ Ċensina għal ftit sekondi rtab. Mhux bis-sħana. Għakemm kellha l-mejkapp imżelleġ bl-imsieħ tal-għaraq, naħseb. Imma għax donnu ġieha ħsieb frisk f’moħħa.

“Tindifa hemm bżonn minn din il-ħdura kollha. Għax ma’ tgħidx lill-Ministru Owen tiegħek u lil Doktor Deo Ajtjen? Mhux qed inaddfu Malta mill-ħmeġ dawk? Għax ħlief ritratti ta’ tindif ‘l hemm u tindif ‘l hawn ma narax fuq fejsbuk! Għidilhom jaqbdu pawerwoxx u jnaddfu dil-ħdura u l-imbeċilliżmu kollu li hawn ukoll! Ħa ngħidlek, ikollhom poplu grat warajhom iktar milli hu, kieku ta!”

Tbissimt. Għax issa bil-mossi bdejt nikkomunika. Bil-kliem żgur li ma kienx se jirnexili.

“Insomma, ara għax qabditni nixfa tal-beati pawli,” għalqitli ħalqi mill-ġdid Ċensina, minkejja li ma kontx ftaħtu, “ħa nidħol inxarrab ftit griżmejja u nixgħel xemgħa lil Duminku tagħna, s-Salvatur, għax il-Ħadd infakkru l-berdej tiegħu”

Taht waħda b’rasi biex nuriha li fhimtha. Kien inutli għal-aħħar li nipprova nfendi waħda, hux.

“Taf xi ngħid, li qatt ma kellhom wieħed bħalu, għalhekk dil-mibgħeda kollha kontrina. U aħna għandna tnejn! Lilu u lil Joseph tagħna. Ħalluhom ħa jgħiru…”

Ma bqajtx insegwi dak li kienet qed tgħid, għax leħinha ntilef mat-tisbita tal-bieb tal-antiporta. Tfajt ħarsa oħra ta’ Mr. Bean, dawwart denbi u tlaqt lura lejn dari, faċċata ta’ Ċensina, żewġ bibien ‘l fuq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend