Ikomplu jonqsu l-kawżi pendenti fil-Qrati – One News

Notifiki

Ikomplu jonqsu l-kawżi pendenti fil-Qrati

Statistika tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena turi li kompla jirranka t-titjib li beda fl-aħħar snin fejn tidħol l-effiċjenza tal-Qrati tagħna b’riżultati pożittivi kemm fil-kamp Ċivili u kemm fil-kamp Kriminali.

Fil-kamp Ċivili l-clearance rate, jiġifieri r-rata ta’ kemm jinqatgħu kawżi mqabbla ma’ kemm jidħlu, baqgħet konsistentement fuq il-100%, li jfisser li qed jinqatgħu aktar kawżi milli jidħlu.  Fil-fatt, l-ammont ta’ kawżi pendenti baqgħu jonqsu biex issa l-ammont niżel għal 9,364, li huwa l-inqas ammont minn kemm ilha tinżamm l-istatistika. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 11% tal-ammont ta’ kawżi pendenti bejn Ġunju 2015 u Ġunju 2017.  L-iktar Qorti Ċivili effiċjenti fl-ewwel sitt xhur tas-sena kurrenti kienet it-Tribunal, li jilqa’ fih kawżi li ċittadini jagħmlu kontra l-Gvern, it-Tribunal dwar Reviżjoni Amministrattiva, li ra żieda fil-clearance rate minn 135% fl-2016, għal 211% fl-2017.

Fil-kamp Kriminali kienu reġistrati riżultati pożittivi kemm fl-ewwel grad u kemm fit-tieni grad (appelli) biex anke f’dan is-settur il-clearance rate qabżet il-100%.  Fil-Qrati tal-Maġistrati, li jisimgħu 95% tal-kawżi kollha Kriminali, baqgħet għaddejja x-xeħta pożittiva li jinqatgħu aktar kawżi milli fil-fatt jidħlu. Kien reġistrat ukoll titjib konsiderevoli fil-Qorti Kriminali, li hija l-Qorti li tisma’ l-ġurijiet, biex issa l-ammont ta’ ġurijiet pendenti niżel għal 60 minn 80 f’temp ta’ sentejn. Kien reġistrat ukoll titjib fl-istadju tal-appelli inferjuri li jisimgħu appelli mid-deċizjonijiet tal-Qrati tal-Maġistrati, fejn il-Qorti qatgħet prattikament ammont ta’ kawżi daqs kemm daħlu.

Il-Gvern huwa kommess li jkompli għaddej bir-riformi li jwasslu għal inqas dewmien u titjib fid-drittijiet tal-persuni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend