Is-Segretarju Parlametari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista, li huwa ukoll responsabbli mid-Direttorat tat-Tindif, wiegħed appoġġ kontinwu mill-Gvern lil dan is-settur. Dan se jsir, fost oħrajn, b’sinerġija ġdida bejn il-qasam tat-tindif u dak tal-manutenzjoni. Huwa qal dan f’intervent li għamel f’seminar organizzat mid-Direttorat, li fih il-ħaddiema ngħataw l-opportunità li jipparteċipaw bis-sħiħ u jgħidu tagħhom dwar ħidmet id-Direttorat.
Debattista ssokta jgħid li l-impenn tal-Gvern huwa li l-oqsma tat-tindif u l-manuntenzjoni jitwaħħdu, u għalhekk se jkun stabbilit Dipartiment ġdid, magħmul mill-ħaddiema attwali tad-Direttortat.
“Nassigurakom li l-futur tagħkom bħala impjegati tal-Gvern f’dan is-settur huwa wieħed sigur, minkejja tħassib li jista’ jkun hemm fostkom,” żied is-Segretarju Parlamentari.
Debattista fakkar ukoll kif is-siwtazzjoni attwali ta’ pajjiżna titlob xogħol ta’ tindif kontinwu kif fil-fatt qed isir. Iż-żieda fl-ammont ta’ persuni li għażlu li jiġu jaħdmu Malta żdied, u n-numru ta’ turisti li qed iżuru pajjiżna f’dawn iż-żminijiet tas-sajf qed jilħaq rekord wara l-ieħor.
“F’Ġunju biss, aktar minn mitejn elf persuna żaru pajjiżna għal btala jew fuq xogħol. Dawn kollha jiġġeneraw xi tip ta’ skart, u għalhekk dawn iċ-ċifri juru l-bżonn t’interventi minn dan id-Direttorat sabiex Malta tinżamm fl-aqwa stat għar-residenti tagħna, u biex tagħti l-aqwa impressjoni għal dawk li jżuruna. Jien se nkun qed nimpenja ruħi bis-sħiħ sabiex jiżdiedu r-riżorsi u l-makkinarju meħtieġ biex ikollna pajjiż iktar nadif u mill-isbaħ, kif inhu xieraq,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Fl-2016 biss, inġabru mal-15-il elf tunnellata skart minn dan id-Direttorat – rekord ta’ kull żmien. Din is-sena tindika biċ-ċar li se jerġa jinqabeż dan l-ammont, hekk kif diġa inġabru iktar minn tnax-il elf tunnellata ta’ skart.
Debattista rringrazzja lill-ħaddiema tad-Direttorat u lid-Direttur Ramon Deguara għal dan ix-xogħol eċċezzjonali u se jħares ‘il quddiem għal iktar ħidma sabiex Malta żżomm ir-reputazzjoni tagħha bħala l-aqwa fl-Ewropa.