Ġganti għażlu Malta… STARR tapplika mal-MFSA – One News

Ġganti għażlu Malta… STARR tapplika mal-MFSA

Malta din il-ġimgħa ġibdet l-attenzjoni tad-dinja tas-servizzi tal-assigurazzjoni internazzjonali. Dan hekk kif wieħed mill-underwriters ewlenin Amerikani ħabbar li kien se japplika għal-liċenzja f’pajjiżna biex jipprovdi servizzi fl-Unjoni Ewropea.

Starr Companies hija waħda mill-entitajiet Amerikani l-aktar magħrufa f’dan il-qasam, u sa issa kienet tuża kumpanija f’Londra għal dan il-għan.  Starr bdew ifittxu post ieħor minn fejn joperaw fis-sajf tas-sena li għaddiet.

Jirriżulta li fattur kruċjali li wassal lil Starr jieħdu din id-deċiżjoni kienet laqgħa li kellhom mall-Prim Ministru, Joseph Muscat f’Novembru li għadda.

Din il-laqgħa kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għal żjara li għamel il-Prim Ministru fi New York u li dwarha l-Oppożizzjoni u xi mezzi tax-xandir kienu rrappurtaw b’mod żbaljat li kellha x’taqsam ma’ problemi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Il-fatti, kif kien qal il-Gvern stess is-sena li għaddiet, kienu bil-maqlub u x-xogħol kien biex jiġi attirat investiment ġdid Amerikan lejn pajjiżna.  Għal dawn il-laqgħat fl-Istati Uniti kien hemm preżenti wkoll il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna.

Starr huma mmexxija minn Hank Greenberg, li minnu nnifsu huwa istituzzjoni fis-servizzi finanzjarji fl-Istati Uniti. Fis-sittinijiet, Greenberg kien ingħaqad, imbagħad beda jmexxi l-akbar kumpanija tal-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji fl-istorja, AIG.

Huwa imbagħad ingħaqad ma’ Starr, kumpanija mwaqqfa mill-fundatur ta’ AIG, Cornelius Van Derr Starr u għadu jmexxi din il-kumpanija sal-lum fl-età ta’ 92 sena.

Hank Greenberg huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar persuni influwenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji fl-Istati Uniti, għandu rabtiet sinifikanti mal-Partit Repubblikan, u hu promotur kbir tal-kummerċ bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina.

Starr Companies huma meqjusa fost il-kumpaniji fdati minn Gvern Amerikan wara l-ieħor biex jieħdu ħsieb assigurazzjoni ta’ assi tal-pajjiż.

Starr Companies hija grupp ta’ kumpaniji  multi-billjunarjarji bil-kwartieri ġenerali tagħhajinsabu fi New York. Madanakollu għandha rappeżentanza f’ħames kontinenti.

Fil-fatt l-istem Starr Companies huwa isem wieħed għas-servizzi differenti.

Topera fil-qasam tal-assigurazzjoni f’setturi differenti minn avjazzjoni sa kostruzzjoni u anke enerġija, toffri assistenza fejn għandu x’jaqsam vjaġġar u tagħti għajnuna meta wieħed ikun se jinvesti.

Għandha storja twila, tmur lura għall-1919, kwazi mitt sena ta’ storja f’qasam li kulma jmur jinbidel, u huwa dak li jagħmel din il-kumpanija interessanti, jiġifieri li rnexxielha timxi maż-żminijiet u kibret biex illum saret fost l-aqwa kumpaniji l-aktar imfittxija fuq livell internazzjonali.

Fl-aħħar jiem il-Kap Eżekuttiv ta’ Starr Companies, Steve Blakey, responsabbli mill-operat ta’ Star Companies kien ikkwotat jgħid li l-kumpanija applikat għal-liċenzja biex tibda topera minn Malta. Blakey ikkonferma li dan il-pjan huwa diġà sottomess wara li kellu diskussjonijiet mal-Awtorità Maltija Għas-Servizzi Finanzjarji li tat l-appoġġ tagħha lejn il-pjan ta’ investiment imressaq.
Blakey qal li l-preżenza f’Malta se sseħħ billi tistabbilixxi kumpanija tradizzjonali għall-assigurazzjoni u jkollha d-drittijiet meħtieġa skont dawk offruti fiż-żona ekonomika Ewropea.  L-Għan ta’ Starr Companies huwa li din tibda taħdem minn pajjiżna mill-1 ta’ Jannar 2018.

Dan huwa t-tieni investiment ta’ kumpanija ewlenija Amerikana f’Malta wara dik ta’ Crane Currency, li hi l-unika kumpanija fid-dinja fdata li tistampa d-Dollari Amerikani.

Is-CEO ta’ Crane diġà qal li r-reazzjoni bla telf ta’ żmien tal-Prim Ministru u l-attitudni pro business tal-Gvern kienu kruċjali biex jieħdu d-deċiżjoni li jinvestu Malta.

Minkejja li s-settur ta’ Starr ma jinvolvix il-mijiet ta’ impjiegi ta’ Crane, il-fatt li Malta irnexxielha tattira kumpanija tant importanti se jservi biex ikun hemm interess ta’ kumpaniji oħra li qed ifittxu pajjiż ieħor Ewropew minn fejn joperaw minħabba Brexit.

Fil-fatt, jidher li fil-ġimghat li ġejjin tista’ tittieħed deċiżjoni dwar investiment importanti ieħor fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, bil-maqlub ta’ dak li kienet qed tbassar l-Oppożizzjoni matul il-kampanja elettorali li għaddiet.

Il-Gvern mistenni wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin iħabbar il-formazzjoni ta’ Brexit Taskforce, bejn Gvern u privat, li se tiffoka aktar fuq l-attrazzjoni ta’ investiment simili.

L-attitudni li qed tittieħed mhix wahda antagonista għar-Renju Unit iżda waħda kumplimentari.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend