Titniedi kampanja bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis mill-plastik | One News

Notifiki

Titniedi kampanja bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis mill-plastik

GreenPak Coop Society qed twassal il-messaġġ lill-konsumaturi biex jgħaffġu u jirriċklaw il-fliexken vojta tal-plastik. Bil-ħsieb li jitnaqqas it-tniġġis mill-plastik, ikun ottimizzat l-ispazju fil-boroż u l-kontenituri tar-riċiklaġġ, u jiżdied ir-rati tal-ġbir tal-fliexken tal-plastik, il-kampanja “Crush Plastic Bottles” qed tiffoka fuq il-ħtieġa li jintremew sew il-fliexken tal-plastik. It-tgħaffiġ tal-fliexken tal-plastik għar-riċiklaġġ  iġib l-għarfien dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf il-ħmieġ u jiżdied  l-użu tar-riżorsi.

Diversi personalitajiet Maltin magħrufa qed  jagħtu l-appoġġ tagħhom f’din il-kampanja u għenu biex jipproduċu l-vidjow “Crush” billi jkantaw siltiet mill-kanzunetta tad-disgħinijiet ‘Crush’ ta’ Jennifer Paige. Il-kampanja għandha l-appoġġ ta’ diversi kumpaniji ewlenin, inkluż GSD Marketing Ltd, li jibbottiljaw il-prodotti tal-Coca-Cola.  GSD Marketing Ltd flimkien ma’ GreenPak qegħdin imexxu l-kampanja dwar l-użu sostenibbli tal-fliexken tal-plastik u jimmiraw il-konsumaturi li jkunu fejn il-baħar biex ma jħallux skart warajhom. Il-kampanja qed tixxandar fuq ir-radju u t-televixin bl-iskop li tħeġġeġ il-pubbliku biex jgħaffeġ u jirriċikla l-fliexken tal-plastik.

It-trofej, li kienu ppreżentati waqt il-Local Council Awards tal-2017 ta’ GreenPak kienu magħmula minn skulturi artistiċi tal-ħġieġ li jirrappreżentaw fliexken tal-plastik mgħaffġa. L-awards jirrikonoxxu dawk il-lokalitajiet li jiddistingwu ruħhom fuq oħrajn fl-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart. Iċ-ċerimonja tal-awards saret fil-Palazz ta’ San Anton fi Ħ’Attard, li għaliha attendew il-Ministru għal Żvilupp Sostenibbli, Ambjent, u Bidla fil-Klima, l-Onor. Dr José Herrera, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Komunitajiet l-Onor Silvio Parnis.

Bħala l-akbar skema ta’ rkupru ta’ skart f’Malta, GreenPak għamlet diversi kampanji edukattivi li jenfasizzaw il-ħtieġa għall-infurzar tal-liġi fuq l-iskart u l-użu xieraq tal-kontenituri bring-in-sites. Il-Kap Eżekuttiv tal-Kooperattiva Ing Mario Schembri qal li għalkemm qed isiru diversi sforzi u titjib biex jissalvagwardja l-ambjent, l-iskart fil-postijiet pubbliċi ma naqasx.

“Kważi €30 miljun jintefqu kull sena fuq l-immaniġġjar tal-iskart bejn is-settur privat u l-Gvern, u dan l-ammont ma jinkludix in-nefqa tal-Gvern relatata ma’ amministrazzjoni, policies u infurzar tal-liġi. Sfortunatament, naraw ħmieġ kullimkien. Dan immedjatament iwassal għall-mistoqsija: x’qed jiġri ħażin?” qal Ing Schembri.

GreenPak stallat numru ta’ kameras tas-CCTV ħdejn il-kontenituri tal-bring-in-sites f’ċerti postijiet fejn ikun hemm abbuż u qed taħdem bla heda mal-Kunsilli Lokali biex jitwaqqfu l-abbużi li jsiru kuljum.

“Nittamaw li l-kampanja “Crush plastic bottle” isservi biex tnaqqas l-iskart tal-plastik f’Malta u tħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu azzjoni pożittiva u tnaqqas l-iskart li jmur f’miżbliet”, żied Ing Schembri.

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema rebaħ il-Best Overall Performance Award għat-tieni sena konsekuttiva. Dan l-unur jingħata lil dak il-Kunsill Lokali li jiġbor l-akbar ammont ta’ skart riċiklabbli għal kull ras.

Għat-tieni sena konsekuttiva il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq rċeva l-Most Glass Collected Award talli ġabar l-akbar ammont ta’ ħġieġ mis-servizz ta’ wara il-bibien tad-djar li jsir kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar.

Il-premju Most Responsive Community Award intrebaħ mill-Kunsill Lokali tal-Gżira peress li kiseb żieda stabbli ta’ 97 fil-mija fir-rati ta’ riċiklaġġ wara kampanja ta’ edukattiva ta’ ħames xhur immexxija minn GreenPak fl-2016. Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u ta’ Ħaż-Żebbuġ ukoll irreġistraw żieda sostenibbli fir-rati ta’ riċiklaġġ.

Il-Kunsill Lokali ta’ Swieqi rebaħ l-unur ta’ Most Proactive Council Award peress li żied l-għarfien dwar is-separazzjoni tal-iskart fost ir-residenti. Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u H’Attard kienu wkoll nominati għal dan l-unur. L-unur ta’ Most Supportive Locality Award mar għand il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Malta.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust Malta Vince Attard ippreżenta l-award speċjali lil Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop. Nature Trust Malta u GreenPak flimkien ippromwovaw il-protezzjoni tal-flora u fawna ta’ Malta permezz tar-riċiklaġġ ta’ ħwejjeġ użati u r-residenti ta’ Ħal Kirkop ġabru kważi 1 kilogramme għal kull ras. Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi u tal-Mqabba kienu nominati wkoll.

Apparti milli rċevew it-trofew u ċertifikat ta’ kisba, l-kunsilli lokali rebbieħa ngħataw ukoll premju ta’ flus ta’ €1,000 bħala għajnuna għal proġetti ambjentali li jsiru fil-lokalita’ rispettiva għall-benefiċċju tar-residenti. Il-Kunsilli li ġew it-tieni ukoll irċevew premju fi flus.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend