Ġlieda li qed tintrebaħ – One News

Ġlieda li qed tintrebaħ

 

Huwa ovvju li l-ebda problema ma tista’ tkun solvuta jekk l-ewwel u qabel kollox ma tkunx rikonoxxuta l-problema.  Fi ftit kliem, jekk il-problema tinxteħet taħt it-tapit, qisha ma teżistix.

Ħames snin ilu, meta allura pajjiżna kien immexxi minn Lawrence Gonzi, għan-Nazzjonalisti l-problema tal-faqar kienet biss perċezzjoni.  Qishom dawk li kienu jghixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar ma kinux jeżistu. Bħallikieku kulħadd kien qed jgħix ħajja diċenti, bla bżonnijiet ta’ xejn.

Il-Gvern preżenti għaraf il-problema u sa mill-bidu beda l-ġlieda kontra l-faqar. Il-ġlieda kontra l-faqar ma tintrebaħx bl-għoti tal-karità.  Dawk iż-żminijiet ilhom li għaddew. Il-ġlieda kontra l-faqar ma tintrebaħx billi lil dak li ma jkollux x’jiekol, tagħtih ħuta.  Tinrebaħ billi lil dak li ma jkollux x’jiekol tagħtih qasba u tgħallmu jistgħad.

Ċertament li kienu qegħdin jgħixu fil-faqar l-eluf ta’ ħaddiema li kienu qegħdin ifittxu xogħol u ma kinux isibuh. Li kienu jiddependu mill-benefiċċji soċjali. Kien għalhekk li l-gvern Laburista sa mill-bidu tal-legislatura beda ħidma kbira biex jinġibed investiment ġdid lejn pajjiżna biex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Illum kulħadd jaf li għandna l-inqas numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol minn meta bdiet tinġabar l-istatistika. Li tfisser li l-ebda Gvern preċedenti ma jista’ jiftaħar li fil-qasam tax-xogħol kiseb riżultati aktar pożittivi milli kiseb il-Gvern preżenti.

Żgur li ma jistax jiftaħar il-gvern preċedent. Biżżejjed jingħad li f’dawn l-aħħar erba’ snin, inħolqu aktar impjiegi milli fit-tliet legislaturi preċedent meħuda flimkien. F’dawn l-aħħar erba’ snin, inħolqu aktar impjiegi milli kienu nħolqu taħt gvern Nazzjonalista fi ħmistax-il sena sħaħ.

Statistika ppubblikata ftit tal-jiem ilu, turi li waqt li meta l-gvern Laburista ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, kien hawn 11,795 persuna li kienu jieħdu l-assistenza soċjali, f’Ġunju li għadda l-ammont ta’ nies dipendenti fuq l-assistenza soċjali, naqas għal 5,631. Naqas b’aktar min-nofs.

In-numru ta’ nies bla xogħol u li kienu jiddependu mill-benefiċċji soċjali, naqas minn 5,777 fl-2012 ghal 1,718 f’Ġunju li għadda.

Dan kollu juri li l-ġlieda kontra l-faqar qiegħda tintrebaħ.  Iżda dan bl-ebda mod ma jfisser li l-problema m’għadhiex teżisti anke jekk in-numru ta’ nies li jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, f’dawn l-aħħar erba’ snin naqas b’aktar min-nofs (20,000). Li hu ċert hu li għandna għalfejn inħarsu lejn il-ġejjieni b’aktar fiduċja.

Inħarsu lejn il-ġejjieni b’aktar fiduċja għax l-investiment għadu ġej.

Inħarsu lejn il-ġejjieni b’aktar fiduċja għax il-finanzi tal-pajjiż qegħdin verament fis-sod billi qiegħed ikollna surplus u mhux defiċit.

Inħarsu lejn il-ġejjieni b’aktar fiduċja għax gvern li l-problemi mhux jixħithom taħt it-tapit, imma jiffaċċjahom u jsolvihom.

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *