Esperjenza l-awdjo-viżiva l-ġdida fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni – One News

Notifiki

Esperjenza l-awdjo-viżiva l-ġdida fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni

Wara xogħol estensiv ta’ konservazzjoni fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, Heritage Malta irrevediet l-interpretazzjoni u l-preżentazzjoni fis-sit biex il-pubbliku jkun jista’ jifhem u jesperjenza dan is-sit preistoriku aħjar. U grazzi għal żviluppi fit-teknoloġija, l-viżitatur issa għandu l-opportunitá jesplora dan is-sit permezz ta’ esperjenza awdjo-viżiva ġdida fiċ-ċentru tal-viżitaturi l-ġdid, anke jekk ma jkunx laħaq xtara biljett għat-tour regolari.

In-narrazzjoni tal-interpretazzjoni l-ġdida tinkludi stejjer dwar is-sejba tas-sit, ir-rabtiet tal-Ipoġew mas-siti kontemporanji li jinsabu fuqu, u stejjer u misteri marbutin ma’ dan is-sit preistoriku. Fl-interpretazzjoni jiġu esplorati wkoll l-evidenzi u l-aħħar riċerki dwar iż-żmien Neolitiku ta’ Malta.

Iżda li jispikka l-aktar fiċ-ċentru tal-viżitaturi l-ġdid hija l-interpretazzjoni awdjo-viżiva l-ġdida. Il-viżitaturi jibdew l-esperjenza awdjo-viżiva bi spjega dwar is-sejba tas-sit. Wara l-viżitaturi jidħlu f’kamra oħra fejn hawnhekk l-interpretazzjoni tiffoka aktar fuq is-sejbiet arkeoloġiċi fl-Ipoġew. F’din il-parti l-viżitaturi jidħlu iktar fl-atmosfera tal-Ipoġew hekk kif artefatti oriġinali li tpoġġew għall-wiri fl-istess kamra huma integrati bħala parti mill-interpretazzjoni meta ssir referenza għalihom.

B’din is-sistema teknoloġika innovattiva, il-viżitatur qiegħed jingħata ċ-ċans li jesperjenza l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni anke jekk ma jkunx laħaq xtara biljett għat-tour regolari. Madankollu xorta waħda jkun qiegħed jifhem is-sit u jgawdi minn esperjenza unika. Il-proġett ta’ konservazzjoni kien ko-finanzjat minn għotja ta’ fondi mill-Iżlanda, Liechtenstein u n-Norveġja taħt il-Fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea 2009-2014.

Il-biljetti għall-esperjenza awdjo-viżiva, li ssir kull nofs siegħa, jinsabu għall-bejgħ online fuq http://booking.heritagemalta.org Il-prezz tal-biljetti għall-esperjenza awdjo-viżiva huma ta’ €5 adulti u €3.50 għall-anzjani, studenti, anzjani u konċessjonijiet.

Iktar tagħrif jinkiseb minn fuq il-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend