Għotja mill-familja Dacoutros lill-Mużew Marittimu – One News

Notifiki

Għotja mill-familja Dacoutros lill-Mużew Marittimu

Numru sostanzjali ta’ artefatti li kienu jifformaw parti mill-kollezzjoni personali tal-familja Dacoutros ingħataw lill-Mużew Marittimu mis-Sur John Dacoutros.

Din l-għotja tinkludi iktar minn 50 oġġett li kienu jintużaw fil-kummerċ tal-inbid kif ukoll mill-industrija marittima fil-bidu tas-seklu 20. L-għotja tinkludi diversi btieti tal-injam, fanali tar-ram, u numru ta’ għodod li kienu jintużaw waqt it-tbaħħir. Iżda l-aktar artefatt li jispikka huwa l-mudell tal-injam, Maria Dacutros.

Il-mudell tal-injam jirrappreżenta lill-barquentine, Maria Dacutros, magħrufa l-aktar bħala Maria. Inbidel f’tanker tal-inbid fl-1920 f’Castellamare di Stabia fl-Italja. Fl-1942 dan il-vapur ġie mgħammar b’makna diesel Kelvin, li nħadmet minn Bergins Co. Ltd ta’ Glasgow fl-1939. Maria Dacutros kienet tbaħħar medja ta’ 5 nodi fis-siegħa iżda setgħet tlaħħaq iktar minn 10 nodi bil-makna u bl-għajnuna wkoll ta’ riħ moderat. Dan il-vapur kien 34.05 metri twil u seta’ jġorr 209.8 tunnellati ta’ inbid f’kull vjaġġ.

Oriġinarjament il-barquentine, Maria Dacutros, kienet magħrufa bħala Ġesú & Maria, u kienet inxtrat fil-15 ta’ Lulju 1919 minn Spiridione Dacoutros mingħand Charles Ellul Sullivan għas-somma ta’ 920 Sterlina. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija dan il-vapur merkantili ntuża għat-taħriġ mill-Port Managers tal-Gvern kif ukoll kien iwassal il-posta lejn Sqallija. Skont Lloyds ta’ Londra Maria Dacutros kien l-ikbar u l-aħħar tanker tal-inbid fid-dinja. Fit-28 ta’ April 1952 dan il-vapur intilef f’baħar qawwi waqt li kien qed ibaħħar f’Cape Zevgasi viċin Limassol, Ċipru.

Maria Dacutros kien l-iktar vapur prestiġjuż fil-flotta tal-familja Dacoutros.

Għal għexieren ta’ snin fis-seklu 20, il-familja Dacoutros kienet is-sid ta’ waħda mill-akbar flotot ta’ vapuri kif ukoll fost l-ewlenin fl-importazzjoni tal-inbid. L-artefatti se jitfgħu iktar dawl fuq l-istorja riċenti tal-kummerċ tal-inbid ta’ Malta kif ukoll dwar ir-relazzjoni mal-Greċja u pajjiżi oħra ġirien fil-Lvant tal-Mediterran.

Il-preżentazzjoni mis-Sur John Dacoutros saret dalgħodu fil-Mużew Marittimu lill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, is-Sur Kenneth Gambin, lis-Senior Curator is-Sur Emmanuel Magro Conti, u lill-Principal Curator, is-Sur Liam Gauci.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend