1,400 student kisbu ċ-ċertifikat tal-MATSEC – One News

Notifiki

1,400 student kisbu ċ-ċertifikat tal-MATSEC

  • ANALIŻI DETTALJATA TMERI RAPPORT LI ĠABUH BISS WIEĦED MINN TLIETA
  • KWAŻI SUĊĊESS TA’ 50%

Analiżi dettaljata tal-istatistika dwar ir-riżultati tal-MATSEC turi li kienu kważi nofs l-istudenti li pprovaw jiksbu l-kwalifika taċ-ċertifikat tal-MATSEC, biex jidħlu l-Università, li rnexxielhom jagħmlu dan. B’hekk din l-analiżi xxejjen rapport li qal li kienu biss 34%, jew wieħed minn kull tlieta tal-istudenti, li ssodisfaw dawn il-kriterji.

Dario Pirotta Direttur tal-bord tal-MATSEC ikkonferma li “dan ‘il-fatt’  ma joħrogx minn analizi dettaljata tal-istatiska ippreżentata. Din turi li 4019-il  kandidat resqu għall-eżamijiet tal-Matrikola fil-livell Avvanzat u Intermedju. Dan ma jfissirx li kollha resqu għas-sitt suġġetti mitluba biex jikkwalifikaw għaċ-ċertitifikat tal-Matrikola.”

Fil-fatt spjega li kienu 808 kandidat li għamlu s-sitt suġġetti f’din is-sezzjoni tal-eżamijiet biex x’aktarx imorru l-Università. Minnhom 382 [47.3%] irnexxielhom jikkwalifikaw għaċ-ċertifikat. “Naturalment aktar minn dawn il-kandidati jkunu jistgħu jikkwalifikaw wara s-sessjoni ta’ Settembru. Mit-3,211-il kandidat ieħor li għamlu xi eżami f’Mejju hemm numru li kienu bdew jgħaqqdu s-suġġetti meħtieġa minn snin qabel. Fil-fatt, minn barra it-382 kandidat li ġabu ċ-ċertifikat, kien hemm 1,017-il kandidat ieħor li wkoll ikkwalifikaw għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola biex b’kollox 1,399 kandidat ġabu l-kwalifika meħtieġa biex jidħlu l-Università f’din is-sessjoni,” qal id-Direttur.

Huwa spjega wkoll kif fir-rappport statistiku li joħroġ wara s-sessjoni ta’ Settembru jkun hemm informazzjoni tan-numru ta’ kandidati minn kull reġjun li jkunu resqu għall-eżamijiet tal-Matrikola u għalhekk tkun tista’ ssir analiżi iktar dettaljata dwar  f’liema żoni ġie rreġistrat titjib. “Għalkemm l-analzi dettaljata ta’ din is-sena għadha ma saritx però tul l-aħħar snin il-bniet dejjem marru aħjar. Fil-fatt hemm differenza sinifikanti bejn il-bniet u s-subien, b’xi differenza ta’ 10% jew aktar favur il-bniet.”

Biex wieħed ikun jista’ javvanza fl-istudji tiegħu u jidħol fl-Università ta’ Malta, hemm bżonn taċ-Ċertifikat tal-Matrikola li jirrikjedi tal-anqas  44 punt li huma kkalkulati fuq 2 suġġetti f’livell Avvanzat, 3 f’livell Intermedju u s-Systems of Knowledge li huwa suġġett mandatorju.

F’Malta u Għawdex kienu b’kollox 9,516-il student li matul din il-ġimgħa rċevew ir-riżultati tal-eżamijiet taċ-Ċertifikat tal-Iskola Sekondarja u tal-Matrikola iktar magħrufa bħala l-A u O levels (livell Avvanzat u livell Ordinarju) li għalihom qagħdu 5,497 u 4,019-il student rispettivament.

L-istatistika ppubblikata mill-Bord tal-MATSEC, il-bord responsabbli minn dawn l-eżamijiet, turi li l-marki sabiex wieħed jgħaddi mill-eżamijiet kienu relattivament għoljin u ġie rreġistrat titjib fis-suġġetti ewlenin tal-livell Ordinarju. Infatti, kienu 69.9% tal-istudenti li għaddew mill-Ingliż li ġabu marka bejn 1 u 5, 68% fil-Malti, 54.5% fil-Matematika u 67.2% fil-Fiżika.

Fl-eżamijiet tal-Matematika f’kull livell saret petizzjoni minn 1,217-il student jilmentaw li d-diffikultà tal-karti kienet eċċessiva u li b’hekk sabu l-eżami tqil ħafna. Infatti kien hemm titjib marġinali fuq is-sena li għaddiet fejn fil-Pure Maths fil-livell Avvanzat kienu 66.4% li għaddew mill-eżami filwaqt li s-sena l-oħra għaddew 64.4%. Madanakollu għalkemm fl-2016 fil-livell Intermedju kienu 71.6% tal-istudenti li għaddew, din is-sena in-numru naqas għall-67.7%.

Kien hemm suċċess fis-suġġetti vokazzjonali fejn 89.1% tal-istudenti ġabu marka bejn 1 u 5. Dawn is-suġġetti jinkludu agribusiness, engineering technology, health and social care, hospitality u l-IT.

L-iktar suġġetti popolari f’livell Avvanzat kienu l-Ingliz (867), il-Bijoloġija (635), il-Malti (594), il-Pure Maths (494) u l-Accounting (459). Ta’ min jinnota li fis-suġġetti xjentifiċi kien hemm rati għolja ta’ studenti li għaddew mill-eżamijiet (56.4% fil-Bijoloġija, 55.5% fil-Kimika u 49.3% fil-Fiżika ġabu marki minn A sa E). Madanakollu kienu biss 42.3% li ġabu dawn il-marki fl-Ingliż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend