Ronnie MacKay instab ħati li prova jxaħħam u jbagħbas ir-riżultat ta’ logħba tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena. Il-Maġistrat Joe Mifsud bagħtu sentejn ħabs filwaqt li mmultah. Il-każ imur lura għal Marzu tal-2016 meta kien allegat li l-logħba bejn Malta u l-Montenegro ta’ taħt il-21 sena kienet imbagħbsa u kienu qed jipprovaw ixaħħmu wkoll b’rabta mal-logħba kontra r-Repubblik Ċeka fl-istess ġimgħa. Rapport dwar dan sar mill-Integrity Officer tal-MFA, tliet ijiem wara l-logħba tal-Montengro u tliet ijiem qabel il-logħba tar-Repubblika Ċeka.
Dwar dan it-tixħim kien diġa’ ammetta akkużi Seyble Zammit, plejer tal-futbol li għalkemm mhux parti mit-tim nazzjonali intuża fl-iskema għaliex numru ta’ plejers li jilbsu l-flokk ta’ Malta huma ħbieb tiegħu. Minn dan il-każ ġie stabbilit kif il-moħħ wara dan l-attentat tixħim kien Ronnie Mackay li l-għatba tal-Qorti mhux l-ewwel darba li rifisha bħala akkużat. Mis-sentenza ħarġu sew ħafna l-irwoli li kellhom Zammit u Mackay tant li ingħad hekk: “Seyble Zammit kien ir-runner, u bilfors li l-players kollha isemmu lil Seyble bħala l-persuna li avviċinhom. Ronnie Mackay kien il-persuna li sab il-financier. Fix-xhieda ħareg li l-imputat kien il-persuna li ħa ħsieb iġib il-persuna ażjatika hawn Malta biex dan, jew għal min kien qiegħed jidher, jilgħabu il-flus. Dan jitfa dawl fuq il-link ma’ kriminalita’ organizzata barra minn Malta.”
Meta ġiet għal piena l-Qorti qalet li l-pieni marbuta ma’ każijiet ta’ korruzzjoni fl-isport għandhom jiżdiedu u jkunu tassew jirriflettu l-ħsara li jwettqu f’dan il-qasam.
“Wasal iż-żmien ukoll li min jinstab ħati ta’ atti ta’ korruzzjoni fl-isport ghandu jkun projbit milli jattendi f’venues sportivi, inkluż grounds u postijiet fejn ikun amministrat xi qasam tal-isports,” qalet il-Qorti li nnotat kif dan diġa’ jiġri b’rabta ma’ każi ta’ vjolenza.
https://www.youtube.com/watch?v=rW_j8MdrVtc