Mozzjoni biex id-Deputati ma jitkellmux għal aktar minn nofsiegħa fil-Parlament | One News

Notifiki

Mozzjoni biex id-Deputati ma jitkellmux għal aktar minn nofsiegħa fil-Parlament

Il-Gvern ressaq mozzjoni ta’ proċedura biex il-metodi tax-xogħol tal-Parlament jiġu aġġornati biex il-proċess parlamentari jkun aktar effiċjenti u effettiv skont l-esiġenzi ta’ Parlament modern u taż-żminijiet tal-lum. Mozzjoni li fost oħrajn tipproponi li s-seduti Parlamentari jibdew fis-14:00 u jdumu sad-21:00 nhar ta’ Tnejn u Erbgħa skont l-esiġenza filwaqt li d-deputati ma jitkellmux aktar minn nofsiegħa.

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona spjega ukoll li jeħtieġ diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni biex isir pass ieħor ’l quddiem biex jinżamm ir-ritmu ħalli jiġi mħares il-mandat li ngħata l-gvern u tirrifletti r-realtajiet li jaħdmu fihom.

Fis-seduta Parlamentari tal-Erbgħa, l-Ministru Cardona wera kemm Gvern Laburista żied il-ħidma Parlamentari dan hekk kif fl-aħħar erba’ snin għadda 185 liġi. Numru ferm akbar minn numru ta’ liġijiet li għaddew taħt amministrazzjoni preċedenti.

Spjega ukoll li fl-aħħar leġiżlatura, saru aktar minn 33,000 mistoqsija parlamentari li minnhom 1,617 biss baqgħu mhux imwieġba. Xhieda oħra tal-ħidma bla heda tal-Ministri li wieġbu 95% tal-mistoqsijiet.

Qal ukoll li saru 80 stqarrija ministerjali u l-ispeaker ta 109 ruling. Cardona żied jgħid li l-jum tal-Ħamis baqa’ l-jum li fih jiġu preżentati abbozzi jew mozzjonijiet mid-Deputati, b’alternanza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Jekk il-Gvern ma jużax is-seduta, l-Oppożizzjoni għandha d-dritt li tuża hi din is-seduta darba kull tliet xhur.

Din il-mozzjoni tressqet fl-aħħar seduta Parlamentari, qabel il-Parlament jagħmel jieqaf għas-Sajf, biex is-seduti jkomplu fit-2 ta’ Ottubru, bl-Oppożizzjoni jkollha Kap ġdid.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend