Issa b'titjira diretta lejn Skopje mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta | One News

Notifiki

Issa b’titjira diretta lejn Skopje mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

L-ewwel titjira minn Skopje, operata mil-linja tal-ajru Wizz Air, niżlet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta aktar kmieni llum, u b’hekk stabbilixxiet pont ieħor mal-Balkani. It-titjiriet lejn il-kapitali tal-Maċedonja ser ikunu qed jitilqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa.

Skopje li tinsab fil-qiegħ tal-muntanja Vodno hija abitata minn madwar nofs miljun ruħ. Mill-quċċata ta’ din il-muntanja, li hija aċċessibbli kemm għal min ikun jixtieq jimxi u kemm bil-funikular, wieħed ikun jista’ jgawdi lil Skopje minn angolu differenti. Il-parti l-antika – Čaršija – għandha influwenzi Biżantini u Ottomani qawwijin.

Fil-fatt, f’dawn il-kwartieri, wieħed isib ħafna mill-mużewijiet u l-bini storiku ta’ Skopje bħall-fortizza Tvridna Kale, Stone Bridge u l-moskea Mustafa Pasha. Meta wieħed jitbiegħed minn din il-qalba storika ta’ Skopje mbagħad, ikun jista’ jiskopri l-angolu modern tal-belt li huwa r-riżultat ta’ żewġ proġetti ewlenin ta’ rikostruzzjoni u riġenerazzjoni.

Skopje hija waħda minn ħames rotot ġodda għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-2017. Irrotot l-oħrajn jinkludu lil Katowice (il-Polonja), Cluj-Napoca (ir-Rumanija), Bordeaux (Franza) u Tel Aviv (l-Iżrael). Kif inhi t-tradizzjoni, il-passiġġieri li kienu abbord l-ewwel titjira minn Skopje ngħataw merħba b’ċeremonja speċjali li mmarkat il-bidu ta’ din it-titjira diretta lejn il-Maċedonja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend