Il-Benchmark din is-sena sar fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju, fi 62 skola Primarja tal-Istat, 21 skola Primarja tal-Knisja u 6 skejjel Primarji Indipendenti. Kien hemm 1,852 tifel (52%) u 1,719 tifla (48%), b’total ta’ 3571 student u studenta li daħlu għal din l-esperjenza. Dan in-numru jirrappreżenta aktar minn 90% tal-istudenti kollha li setgħu jagħmlu l-Benchmark. L-assessjar sar fil-Malti, fl-Ingliż u fil-Matematika.
Fil-Malti l-istudenti kellhom sessjoni ta’ Taħdit (20 marka), sessjoni ta’ Fehim mis-Smigħ (20 marka), sessjoni ta’ Fehim mill-Qari (30 marka) u sessjoni ta’ Kitba (30 marka). Il-marka medjana nazzjonali f’kull taqsima kienet: 17 fit-Taħdit, 15 fis-Smigħ, 17 fil-Qari u 18 fil-Kitba. Il-marka medjana nazzjonali fil-Malti kienet 67.
Fl-Ingliż it-taqsimiet kienu l-istess bħal dawk fil-Malti. Fit-Taħdit, il-marka medjana nazzjonali kienet 17, fil-Fehim mis-Smigħ 18, fil-Fehim mill-Qari 23 u fil-Kitba 18. Il-marka medjana nazzjonali fl-Ingliż kienet 76.
Fil-Matematika kien hemm żewġ taqsimiet: il-karta Mentali (20 marka) u l-karta tal-Kitba (80 marka). Il-marka medjana tal-karta Mentali kienet 15 u dik tal-karta tal-Kitba kienet 54. Il-marka medjana nazzjonali fil-Matematika kienet 69.
Dawn iċ-ċifri juru li nofs l-istudenti li għamlu l-eżerċizzju tal-Benchmark 2017 kisbu 67 marka jew aktar fil-Malti, 76 marka jew aktar fl-Ingliż u 69 marka jew aktar fil-Matematika.
Kull karta tal-Benchmark ġiet immarkata minn żewġ markaturi mingħajr ma nkiteb xejn fuq l-iskritt biex ma jinfluwenzawx lil xulxin. Dan l-eżerċizzju sar minn 118 markatur: 46 għall-karti tal-Malti, 40 għall-karti tal-Ingliż u 32 għall-Matematika.
Ir-riżultati miksuba mill-istudenti ntbagħtu lill-iskejjel fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u lill-istudenti kollha ntbagħtulhom fis-7 ta’ Lulju 2017. Fihom kien hemm indikata l-marka miksuba minn kull tifel u tifla f’kull taqsima tat-tliet suġġetti li fihom it-tfal kienu assessjati fil-Benchmark. Kien hemm indikat ukoll l-marka medjana nazzjonali għal kull taqsima tat-tliet suġġetti u għal kull suġġett. B’hekk il-ġenituri setgħu jiġġudikaw huma stess kif marru wliedhom f’kull suġġett u kif jipparagunaw mal-marka medjana nazzjonali.
Matul din is-sena saru diversi laqgħat ta’ informazzjoni u diskussjoni dwar il-Benchmark mal-ġenituri, l-għalliema u mal-kapijiet tal-iskejjel, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Il-karti flimkien mal-iskemi tal-marki tal-Benchmark 2017 se jkunu jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku http://www.curriculum.gov.mt taħt it-taqsima Benchmark – Year 6 jew billi tidħol http://curriculum.gov.mt/en/