Xufier tat-taxi mixli li bi traskuraġni kkaġuna l-mewt ta’ Loredana Nemes – One News

Notifiki

Xufier tat-taxi mixli li bi traskuraġni kkaġuna l-mewt ta’ Loredana Nemes

Luciano Tabone, raġel ta’ 59 sena, tressaq il-Qorti akkużat b’ omiċidju involontarju b’rabta mal-inċident tal-Erbgħa filgħodu meta l-akkużat, sewwieq tat-taxi, tajjar u qatel lill-Loredana Nemes fil-mini ta’ Regional Road f’ San Ġiljan.

Is-sewwieq, li hu minn Ħal Balzan, wieġeb mhux ħati għal din l-akkuża u għall-akkużi ta’ sewqan perikoluż, negliġenti u b’veloċita eċċessiva u li reġa’ kiser il-liġi.

Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, tkellem sieħeb Nemes li spjega kif  hu u ħuh, sieħbu u l-vittma ħarġu jieklu u wara marru siegħa jieħdu cocktail iżda stqarr li ma kienu xorbu xejn għajr il-cocktails peress li l-għada kellu jqum għax-xogħol.

Irrakonta kif lura d-dar, f’ San Ġwann kellhom argument u ippakja l-basktijiet u telaq bil-mixi lejn Paceville għand ħuh. Emozjonat spjega kif hi imxiet warajh bla ma kellmitu, lemaħa meta bdiet taqsam il-mina,  u li nduna x’ġara biss meta semgħa l-ħoss tagħha tittajjar.

“Umbad rajtha titqalleb fl-arja” qal lill-Qorti bejn bikja u oħra, “qbadt inwerżaq”.

It-tfajla, Rumena ta’ dsatax-il sena, spiċċat tkaxkret għoxrin metru ‘l quddiem.

Qal li ma jiftakarx jisma’ xi break ta’ karozza u stqarr li t-tfajla tiegħu kienet liebsa libsa ikkulurita u ffjurita u li l-mina kienet imdawla.

Minkejja li identifika lis-sewwieq, qal li ma kellux moħħ ikellmu fuq il-post tal-inċident.

Xehed ukoll ħuh li kkonferma li l-grupp ma kienux ikkonsmaw alkohol waqt l-ikla ħlief tazza cocktail wara.

L-akkużat ma tkellimx waqt is-seduta, u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000 fid-dawl li l-offiża hija waħda involontarja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend