Il-Knisja tinsisti li ż-żwieġ jibqa’ bejn mara u raġel biss – One News

Notifiki

Il-Knisja tinsisti li ż-żwieġ jibqa’ bejn mara u raġel biss

“Il-Parlament Malti lbieraħ approva l-Att tal-2017 li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn. Din il-liġi tieħu t-tifsira taż-żwieġ u tapplikaha wkoll għal relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess. Minkejja dak li tgħid il-liġi, li tqis l-istess dak li mhuwiex l-istess, iż-żwieġ jibqa’ dejjem ir-rabta esklussiva bejn raġel u mara, li hu miftuħ għat-tnissil tal-ulied.”

Din kienet ir-reazzjoni tal-Isqof ta’ Malta Charles J.Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, li fi stqarrija li ppubblikaw qalu li l-mudell taż-żwieġ huwa biss bejn ir-raġel u l-mara; “mudell li dejjem ħaddnet l-umanità u mhux biss il-viżjoni Nisranija taż-żwieġ.”

L-Isqfijiet qalu li minkejja li wieħed jintroduċi kunċett newtrali taż-żwieġ ċivili miftuħ għal kull tip ta’ koppja, din il-liġi li għaddiet mill-Parlament “twarrab id-differenza u r-reċiproċità naturali bejn raġel u mara.”

Komplew iżidu li b’din il-liġi, li qed tagħti aktar drittijiet lil persuni LGBTIQ, is-soċjetà “tiftaqar meta, flok taċċetta d-diversità, timponi uniformità fil-mod kif ikunu espressi r-relazzjonijiet.”

Wara din ir-reazzjoni l-Knisja qalet li tirrispetta “id-dinjità ta’ kull persuna, ikunu xi jkunu l-għażliet li tagħmel f’ħajjitha u r-relazzjonijiet li tħaddan. Għall-Knisja, kull persuna hi għażiża u tibqa’ għażiża għax hija maħluqa xbieha ta’ Alla.”

Fi tmiem tal-istqarrija, l-Isqfijiet qalu li jittamaw lidin il-liġi ma tkunx segwita “b’miżuri oħra li jnaqqsu mid-dinjità tal-ulied, bħal pereżempju l-kiri tal-ġuf (surrogacy) u d-donazzjoni tal-gameti (gamete donation).”

Il-Knisja appellat lis-soċjetà biex tibqa’ tagħraf li l-ulied huma don li għandu jkollhom dejjem l-ambjent adattat fejn jitnisslu, jitwieldu u jikbru b’mod seren u b’ħafna mħabba, u li l-vuċi tagħhom tinstema’ b’mod qawwi fis-soċjetà Maltija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend