Wara seduta ta’ kważi tliet siegħat li ntemmet ftit qabel il-ħdax tat-Tnejn fil-għaxija, il-kumitat permanenti għall-konsiderazzjoni ta’ abbozzi ta’ liġi, presjedut minn Stefan Zrinzo Azzopardi, għadda l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn b’diversi emendi u klawsoli ġodda.
L-abbozz tressaq mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli, u se jingħata t-tielet qari għada l-Erbgħa.
Il-gvern ma laqgħax l-emendi tal-Oppożizzjoni dwar it-terminoloġija ta’ “omm”, “missier” u “ġenitur/i” għax inaqqsu l-ugwaljana.
Lejn l-aħħar tas-seduta, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi talab biex il-liġi tikkontempla l-principju ta’ Oġġezzjoni tal-Kuxjenza (Conscientious Objector). Huwa qal li l-liġi, ġustament, teżenta uffiċjali reliġjużi milli jgħaqqdu fi żwieġ ċivili persuni tal-istess sess u ppropona li din l-eżenzjoni tiġi estiża għal-lajċi li joġġezzjonaw skont il-kuxjenza. Bħala eżempju semma’ s-sindki.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi u d-Deputat Nazzjonalista Mario DeMarco oġġezzjonaw. Sostnew li uffiċjal pubbliku huwa obbligat jimplimenta l-liġi u l-Parlament ma għandux idaħħal eżenzjonijiet mil-liġi.
Il-Ministru Bonniċi qal li f’każ simili, uffiċjal irid iressaq kawża Kostituzzjonali. Dan jgħodd ukoll għal sindku li jkun parti minn soċjetà reliġjuża. Il-Ministru sostna li eżenzjoni toħloq diskriminazzjoni bejn koppji eterosesswali li jżewwiġhom is-sindku u koppji tal-istess sess li jżewwiġhom uffiċjal ieħor.
Azzopardi sostna li dan potenzjalment qed jikser id-drittijiet tal-persuna.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli irrimarkat li Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat sentenza fejn dulċier ma jistax jirrifjuta, a bażi ta’ oġġezzjoni tal-kuxjenza, li joffri s-servizzi tiegħu lill-koppji tal-istess sess.
Il-laqgħa tal-bieraħ kienet l-aktar fuq emendi għall-Kodiċi Ċivili biex kliem li jirreferu speċifikament għall-ġeneru maskili jew femminili jiġu mibdula minn termini newtrali.
Fil-kumitat il-Gvern kien rappreżentat mill-Ministru Helena Dalli, il-Ministru Owen Bonnici u d-deputat Laburista Robert Abela waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mill-Viċi-Kap Mario de Marco u mid-deputati David Agius, Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Edwin Vassallo.