60 rapport dwar tfal f'Child Care Centres | One News

Notifiki

60 rapport dwar tfal f’Child Care Centres

Minn Lulju tas-sena l-oħra, id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni irċieva 60 rapport li l-ebda wieħed minnhom ma kien relatat ma’ maltrattament mill-ġenituri tat-tfal stess li jattendu ċ-Child Care Centres.

Meta wieġeb mistopqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li f’każijiet ta’ allegat abbuż mill-ġenituri, dan jiġi riferut lill-awtorità konċernata, l-Appoġġ, u għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità dawn mhux dejjem jaslu għand id-direttorat.

Il-Ministru Bartolo qal li madwar 25 fil-mija tar-rapporti li rċieva d-direttorat kienu relatati mar-ratio tal-carers mat-tfal skont l-istandards stabbiliti fl-2006 u/jew relatati man-numru massimu ta’ tfal li ċ-ċentru għandu permess li jżomm f’mument wieħed partikolari. Innota wkoll li 17 fil-mija kienu rapporti li jallegaw negliġenza mill-carers.

Il-bqija tar-rapporti kienu jvarjaw fuq aspetti differenti bħal indafa fiċ-ċentri (madwar 17 fil-mija) u, kif wieħed jistenna f’din l-età tenera, kien hemm rapporti ta’ inċidenti varji bejn it-tfal stess (madwar 22 fil-mija).

Il-Ministru Bartolo qal li kull rapport li daħal ġie investigat u ttieħdu passi skont il-każ filwaqt li min għamel ir-rapport ġie infurmat bil-passi li ttieħdu filwaqt li jinżamm kuntatt kemm maċ-ċentru kif ukoll ma’ min għamel ir-rapport sabiex ikun segwit il-progress. “Dan kollu jsir bl-għan prinċipali biex inkomplu naħdmu flimkien ma’, u fl-istess ħin nedukaw lil ġenituri u kif ukoll lil kull min jaħdem f’dan is-settur li għadu pjuttost ġdid għal pajjiżna.

“S’issa d-dirfettorat spezzjona kull ċentru u fejn kien meħtieġ saret aktar minn spezzjoni waħda u/jew laqgħat mal-Legally Responsible Person u s-Centre Manager sabiex inkomplu nsaħħu l-proċess ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz. Bħalissa qegħdin fil-proċess biex terġa’ ssir spezzjoni oħra f’kull ċentru (madwar 107) sa Novembru li ġej.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend