It-tliet kandidati għal Deputat Mexxej f’diskussjoni fuq ONE – One News

Notifiki

It-tliet kandidati għal Deputat Mexxej f’diskussjoni fuq ONE

ONE HD  u ONE RADIO xandar diskussjoni bejn it-tliet kandidati għal Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Parlament, diskussjoni li matula ġew diskussi numru ta’ temi relatati ma’ din il-kariga importanti.

Il-Ministri Helena Dalli, Chris Fearne u Edward Scicluna wieġbu għad-domandi tal-ġurnalisti minn oqsma differenti tal-ħajja dwar għadd ta’ temi kurrenti u oħrajn marbuta mal-kariga li se jkunu qed jikkontestaw għaliha.

Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru Helena Dalli ddeskriviet iż-żmien li qed ngħixu fih bħala wieħed sabiħ; li jsegwi għaqda f’kampanja elettorali mmexxija b’serenità li waslet għal rebħa storika oħra għall-Partit Laburista. Iddeskriviet l-irwol tal-kariga li qed taspira li tkun fiha bħala wieħed li jrid itejjeb il-partit “glorjuż” biex ikompli jagħti r-riżultati u jtejjeb il-ħajja taċ-ċittadini.Dan filwaqt li jkompli jmexxi ’l pajjiż ’il quddiem u jara li jkun ppreżentat bl-aħjar mod possibbli fil-fora internazzjonali.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Fearne tkellem dwar l-2008 meta Joseph Muscat sar Mexxej tal-Partit Laburista; fejn imbarka b’staġun politiku ġdid u b’ġenerazzjoni rebbieħa. Qal li r-rebħ li kiseb il-Partit Laburista, kisbu b’viżjoni ta’ Mexxej li qed imexxi l-moviment b’mod sod u magħqud. Dwar il-kariga li qed jaspira li jkun fiha, qal li jrid ikompli juri kemm il-Partit Laburista huwa viċin in-nies, u tenna li rridu nkomplu nibnu fuq il-viżjoni tal-Perit Duminku Mintoff li kompla fuqha Joseph Muscat.

Il-Ministru Edward Scicluna tenna li l-40,000 maġġoranza li kiseb il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, kisibhom għaliex il-Partit ikkonvinċa lill-poplu Malti u Għawdxi li m’għandux jibdel dawk li ddeskriva “team-players” li qed jiskurjaw, half-time. Huwa qal li d-delegati jridu jagħżlu persuna biex tkompli fejn ħalla l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech. Persuna li fi kliem Scicluna għandu jkollu kwalitajiet ta’ kompetenza, t’esperjenza u ta’ leatlà. Dan biex ikun kompetenti f’kull settur li jaffaċċja; speċjalment fil-fora internazzjonali.

Id-delegati tal-Partit Laburista se jkunu qed jgħażlu d-Deputat Mexxej f’konferenza li se tibda nhar il-Ħamis li ġej. Il-votazzjoni tkompli tul il-jum tal-ġimgħa u jekk ħadd ma jikseb il-ħamsin fil-mija u wieħed tal-voti jsir it-tieni rawnd tul il-jum tas-Sibt. Id-delegati tal-Partit Laburista se jkunu msejjħa wkoll jagħtu vot ta’ fiduċja fil-Mexxej Laburista Joseph Muscat u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona.

Din ix-xandira se tkun segwita bi produzzjoni dwar il-profil tad-Deputati Mexxejja nhar l-Erbgħa li ġej fuq ONE HD.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend