58 abort Malti fl-Ingilterra – One News

Notifiki

58 abort Malti fl-Ingilterra

Is-sena li għaddiet saru 58 abort fl-Ingilterra minn persuni ta’ nazzjonalità Maltija. Dan jirriżulta minn rapport annwali li jkun ippubblikat ta’ kull sena mid-Dipartiment tas-Saħħa fl-Ingilterra fejn joħroġ tagħrif dwar in-notifiki li jkunu għaddew lill-uffiċjali t-tobba li jkunu wettqu l-abort fuq persuni fl-Ingilterra u Wales.

Notifika li hija mitluba skont illiġi tal-pajjiż. Jirriżulta li kien hemm 190,406 abort li saru fl-Ingilterra u Wales is-sena l-oħra. Tnaqqis żgħir mill-191,014 każ ta’ abort fl-2015. L-iktar etajiet popolari fejn isir l-abort huma dawk ta’ fuq l-20 sena għalkemm kien hemm każi fejn kien irrapportat li sar abort minn persuni fl-età ta’ 12- il sena u saħansitra jitilgħu għal persuni fuq l-40 sena.

Jirriżulta wkoll li l-maġġoranza tal-aborti li saru, 81%, huma fuq nisa li ma kinux miżżewġa. Din hija rata li baqgħet kostanti tul l-aħħar 10 snin. Intant, ma kinux biss Maltin, li telgħu jagħmlu abort l-Ingilterra. Fil-fatt minn din l-istatistika jirriżulta li kienu 4,810 l-persuni minn barra l-pajjiż li marru l-Ingilterra għal din il-proċedura u n-numru ta’ Maltin jagħmel il-1.2% minn dan it-total ta’ aborti legali.

Għaliex aborti illegali ma jinqabdux fi statistika bħal din. It-total ta’ persuni li marru l-Ingilterra u Wales jagħmlu abort is-sena li għaddiet kien l-inqas wieħed sa mill-1969 wara li fl-2015 kien laħaq l-ammont ta’ 5,190. Il-maġġoranza tal-persuni li marru l-Ingilterra biex jagħmlu abort li m’għamlux f ’pajjiżhom kellhom tqala ta’ bejn tlieta u disa’ ġimgħat (3,204 każ).

Filwaqt li numru konsiderevoli ieħor għamlu dan bejn l-10 u t-12-il ġimgħa (699 każ). Kien hemm imbagħad numru ta’ każi (586) bejn 13 u 19-il ġimgħa u l-inqas ammont ta’ każi (321) kien għal dawk bejn 20 ġimgħa u iktar. F’Malta l-abort huwa wieħed minn dawk is-suġġetti li b’mod ġenerali jġibu kunsens wiesa’ ħafna.

Fl-aħħar kampanja elettorali, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li ma jarax li jista’ jkun hemm diskussjoni dwar l-abort f ’Malta. Dikjarazzjoni ċara li għamilha iktar minn darba bid-dikjarazzjonijiet tiegħu u tal-gvern ikunu dejjem favur il-ħajja. Xi ħaġa li hemm kunsens dwarha anke mal-Oppożizzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend