Ħafna huma n-nisa li jmorru f’salons ta’ sikwit biex jiżguraw li d-dwiefer jidhru sbieħ. Dermatoloġi qed iwissu li din id-drawwa jista’ jkun li qed tikkaġuna każijiet ta’ infezzjoni u saħansitra kankru.
Esperti Amerikani fid-dermatoloġija tkellmu ma’ ġurnal Ingliż u provdew pariri siewja. Manicures bil-ġel jużaw raġġi UV biex iż-żebgħa li tintuża tinxef tajjeb u ma titlaqx malajr. Il-fatt li l-idejn ikunu esposti għar-raġġi UV jista’ jikkaġuna problemi, bħal li l-ġilda tixjieh iktar malajr. Iżda skont l-esperti, Dr Marie Jhin u Dr Jackie Dosal, dawn ir-raġġi tant ikunu baxxi, li ftit li xejn għandhom possibiltà li jikkaġunaw kanċer. Il-vera problema tinħoloq jekk, minbarra dawn ir-raġġi, wieħed iqatta’ ċertu ammont ta’ żmien espost għar-raġġi tax-xemx. Dan anke mingħajr ma jinduna, bħal per eżempju waqt li jsuq.
Għalhekk il-pariri huma tnejn: nisa li jagħmlu l-ġel għandhom jużaw sunscreen ma’ idhom qabel imorru, u idealment jilbsu ingwanti waqt u wara l-proċess.
Twissija oħra hija dwar il-cuticles; laħam li jipproteġi d-difer minn elementi esterni, u li waqt manicures ħafna drabi jinqatgħu. It-twissija hija ċara: li tneħħi dawn il-cuticles tfisser li tkun esposta għal fungi u infezzjonijiet batterjali. L-aħjar li wieħed jagħmel hu li jimbotta l-cuticles lura, u mhux jaqtagħhom kompletament.