Tintemm f’Malta waħda mill-aqwa tlielaq tal-jottijiet klassiċi fil-Mediterran – One News

Notifiki

Tintemm f’Malta waħda mill-aqwa tlielaq tal-jottijiet klassiċi fil-Mediterran

Fil-Konferenza Stampa, li saret fil-Mġarr Marina f’Għawdex, Yachting Malta laqgħet uffiċjalment il-flotta tat-Trophée Bailli de Suffren. Magħrufa bħala waħda mill-aqwa tlielaq tal-jottijiet klassiċi fil-Mediterran, is-sittax il-edizzjoni waslet fi tmiemha meta għaxar jottijiet ħadu sehem fit-tellieqa ta ‘580-mil nawtiku, li bdiet f’San Tropez b’waqfiet f’Porto Rotondo, u Trapani biex spiċċat fil-Gżejjer Maltin. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ din it-tellieqa, l-aħħar tappa tkun f’Għawdex fejn l-ekwipaġġi ġew ospitati mill-Mġarr Marina flimkien mall-Ministeru għal Għawdex. Matul il-waqfa f’Ghawdex, l-ekwipaġġi setgħu jduqu il-karattru uniku, l-istorja u l-gastronomija li toffri il-gzira Għawdxija.

Il-Kap Eżekuttiv  ta’ Yachting Malta,  Wilfrid Buttigieg wera s-soddifazzjon tiegħu li Yachting Malta kienet parti minn din l-avveniment. Hu spjega li wieħed mir-rwoli ta’ Yachting Malta hu li jtejjeb l-isem u t-tradizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni tal-ibburdjar fil-Mediterran. “Yachting Malta kburija li hi parti minn dan l-avveniment prestiġjuż, aħna ninsabu kunfidenti li l-ospitalità Maltija flimkien mal-umoriżmu u l-eleganza tal-Franċiżi ser jaċċertaw  mhux biss ir-ritorn tal-ekwipaġġi  imma wkoll ser ikunu ta’ attrazzjoni għall-parteċipanti ġodda f’edizzjonijiet futuri.”

“Din hija l-ewwel sena li l-Yachting Malta hija involuta; Il-pjan tagħna huwa li nkomplu nkabbru il-potenzjal ta’ din it-tellieqa. “L-innovazzjoni bla għeda hija il-pilastru ewlieni għas-suċċess f’avvenimenti bħal dawn. Għaldaqstant huwa kruċjali  li postijiet bħal Malta,  li jospitaw dan it-tip ta’ avvenimenti jinvestu sabiex sena wara sena il-programm offrut ikun dejjem mżewwaq b’karatteristiċi ġodda għall-parteċipanti. ”

Pierre Balzan, direttur maniġerjali tal-Mġarr Marina, fi ħdan il-Melita Marine Group, laqa’ l-flotta w esprima is-sodisfazzjon  tiegħu għall-opportunità li jilqa din il-flotta. Huwa kompla jispjega r-rwol tal-Marina fl-iżvilupp ta’ żona turistika oħra f’Għawdex. Is-Sur Balzan tkellem ukoll dwar l-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-Marina fiż-żona tal-kosta, li kien jinvolvi l-ħolqien ta’ pedestrian zones u pjazzez fejn il-pubbliku jista jgawdi veduti mill-isbaħ tal-baħar li taf toffri il-gżira Għawdxija.

Il-fundatur tat-tellieqa, Henri-Christian Schroeder spjega kif twieldet din  it-tellieqa. L-ideja tat-Trophée Bailli du Suffren kienet idea tiegħu, u kien grazzi għall-appoġġ tal-ħabib tiegħu Christian Benoit, li hu magħruf sewwa ġewwa Saint Tropez li setgħat titella din it-tellieqa. Fl-2001 l-avveniment ġie mniedi biex tinħoloq dik li kienet magħrufa bħala “l-itwal tellieqa għall-jottijiet klassiċi fil-Mediterran – laqgħa ta’ ħbieb antiki u ġodda.” Imsemmija  wara Pierre Andre de Suffren li kien Viċi Ammirall tal-flotta Franċiża u Kavallier ta’ Malta, it-titlu ta’ Bailli ngħata mill-Ordni ta’ Malta. De Suffren kien magħruf mill-baħħara u l-għedewwa tiegħu (partikolarment dawk Ingliżi) bħala ‘L-Ammirall Satana’. Sal-lum, b’kollox seba bastimenti tal-flotta Franċiża ħadu l-isem ta’ Suffren fl-unur tiegħu. L-istatwa tiegħu tiddomina l-moll f’Saint Tropez. Din it-tellieqa, “cruising” hija miftuħa għal jottijiet klassiċi ta’ aktar minn ħdax-il metru. Hija maghrufa bħala “tellieqa tal-ġentlomi”, u hi ikkaratteriżżata minn spirtu ta’ kompetizzjoni amikevoli, u kuraġġ bejn il-jottijiet li jieħdu sehem” spjega Henri Christian Schroeder. Il-jottijiet kompetittivi ġew mqassma fi tliet kategoriji – “Vintage”, “Classic” u “Spirit of Tradition”.

Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Justyne Caruana, li esprimiet is-sodisfazzjon  tagħha għall-fatt li l-organizzaturi, flimkien ma’ Yachting Malta għażlu lil Għawdex bħala id-destinazzjoni finali. “Il-karatteristiċi idillici ta’ Għawdex huma parti integrali mil-prestiġju ġenerali ta’ Malta għall-ibburdjar.” L-Onor. Caruana spjegat li l-istrateġija tal-Gvern hija li tiżgura li avvenimenti oħra ta’ ‘livell għoli, bħall-Bailli de Suffren jagħżlu l-gżejjer Maltin bħala parti mir-rotta tagħhom. L-Onorevoli Caruana ferħet lill-kontestanti kollha matul it-tellieqa ta’ din is-sena u l-organizzaturi involuti inkluż il-Yachting Malta għall-professjonalita  tagħhom fit-tħejjija ta’ waħda mill-aqwa kompetizzjonijiet F’Malta u Għawdex.

Il-Trophée Bailli de Suffren ħalla lil-Għawdex wara li saret il-“Parade of Sail”   kmieni wara nofsinhar, fejn il-flotta marret lejn il-Royal Malta Yacht Club, il-post magħżul għas-serata tal-għoti tal-premijiet fil-preżenza ta’ ekwipaġġi, dinjitarji u mistednin.

Dan l-avveniment kien appoġġjat  minn Yachting Malta, Mġarr Marina Gozo, il-Ministeru għal Għawdex, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għal Għawdex, L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għal Franza, il-Ministeru għat-Turiżmu, Camper and Nicholsons Marinas, Charles Grech Wines and Spirits  u r-Royal Malta Yacht Club.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend