SKS f'Għawdex għall-"Fiera Sajfija tal-Ktieb" | One News

Notifiki

SKS f’Għawdex għall-“Fiera Sajfija tal-Ktieb”

SKS Publishers (Sensiela Kotba Soċjalisti) qed jistiednu lil dawk li għandhom għal qalbhom il-kotba iżuru l-istand tagħhom fil-Fiera Sajfija tal-Ktieb li se tittella’ f’Sir M. A Refalo Sixth Form, ir-Rabat Għawdex fl-14 u l-15 ta’ Lulju. Id-dar tal-Pubblikazzjoni se tkun qed tbigħ novelli, rumanzi minn awturi l-aktar magħrufa Maltin u Għawdxin li jinkludu l-awturi Alfred Sant, Frans Sammut, J.J Camilleri, Pawlu Xuereb, Lino Spiteri, Ġuże` Chetcuti, Karmenu Vassallo, u Mikiel Anton Vassalli, Juann Mamo, Ġuże` Bonnici, Ġuże` Ellul Mercer, Ġuże` Orlando, Gino Muscat Azzopardi, Ivo Muscat Azzopardi. SKS se jesebixxu ‘Is-Sejħa’, ġabra ta’ stejjer ta’ Lu Xun li inqalbu miċ-Ċiniż għall-Malti minn Clifford Borg Marks.

“Il-missjoni tal-SKS hija li tinforma u teduka lill-pubbliku b’mod ġenerali permezz ta’ pubblikazzjonijiet ta’ kwalita` għolja bbażati fuq fehma liberali tal-ħajja, tal-istorja u tal-letteratura. Tipprovdi lil kittieba u riċerkaturi l-opportunita` li jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom, u jikkontribwixxu lejn aktar rikkezza soċjali, kulturali, intellettwali u nazzjonali. Onorati li qed neżibixxu l-pubblikazzjonijiet tagħna f’Għawdex” qal kelliem tad-Dar tal-Pubblikazzjoni SKS li qal li sa mit-twaqqif tal-SKS fl-1982, il-pubblikazzjonijiet tal-SKS kienu dejjem imfittxija minn dawk li japprezzaw il-kotba fil-gżira Għawdxija.

Il-kotba eżibiti se jkunu qed jinbiegħu b’roħs kbir fil-prezz, bi prezzijiet li jibdew minn €2 biex jinxterdu aktar il-kotba letterarji f’Għawdex. Il-fiera tkun miftuħa bejn l-10am – 7pm. Dħul b’xejn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend