Maġistrat jitlob bidla biex ma jkollux idu marbuta f'każi b'vittmi tad-droga | One News

Notifiki

Maġistrat jitlob bidla biex ma jkollux idu marbuta f’każi b’vittmi tad-droga

F’sentenza dwar żewġ żgħażagħ li traffikaw id-droga il-Qorti għamlet diversi osservazzjonijiet dwar bidliet li għandu jkun hemm fil-mod kif il-liġi timxi ma’ dawk li jkunu mexxew id-droga biex imantnu l-vizzju.

F’każ fejn il-persuni akkużati, wieħed minnhom minorenni, illum għandhom familja u għandhom impjieg il-Qorti osservat kif il-liġi xorta titlob minimu ta’ sitt xhur priġunerija bilfors.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud qal li dan m’għandux ikun.

“Il-Qorti li tkun għexet il-proċess għandha titħalla fil-libertà li tagħti direzzjoni permezz tad-deċiżjoni tagħha. Il-piena ta’ sitt xhur priġunerija tassattiva għal traffikar toħloq ċertu inġustizzji minflok ġustizzja,” qalet il-Qorti.

Hawn emfasizza li trid issir differenza jekk persuna traffikatx id-droga biex tmantni l-vizzju jew biex tagħmel il-flus. Fl-istess ħin appella biex każi ta’ droga jkunu trattati b’iktar urġenza għaliex hija inġustizzja li persuna stabbli tintbagħat il-ħabs.

Fuq kollox kien emfasizzat kif wasal iż-żmien li persuni li jridu jservu piena għandu jkun hemm post bħal half way house forma ta’ community centre li la hu ħabs u lanqas id-dar. Tkun alternattiva ghall-priġunerija għal dawk li jkollhom jiskuntaw piena minħabba traffikar biex imantnu l-vizzju,” qal il-Maġistrat li emfasizza li min qed fil-vizzju hemm bżonn jinħareġ ‘il barra mit-triq.

Fil-fatt kien innotat li l-maggoranza tal-każi li qegħdin jaslu quddiem il-Qorti dwar serq ħafna drabi jkun marbut mal-abbuż tad-droga. Hawn sar suġġeriment li jitwaqqaf day centre fejn min ikun addict wara li jieħu l-mistura minflok joqgħod jigri barra jisraq xi stereo minn xi karrozza jew jisraq xi anzjana joqghod hemm matul il-ġurnata fejn ikollu fejn jieħu kafe, ikla sħuna, internet point, billiard, librerija u anke post fejn jiehdu pariri minghand tobba, psikologi, persuni mis-social service u Jobsplus fost oħrajn.

Fi kliem il-Maġistrat sigħat f’dan iċ- ċentru għandhom ikun obbligatorji u persuna tista’ tintbagħat hemm bħala piena alternattiva għall-multi u penali.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend