Sentenza t’erba’ snin ħabs u multa ta’ €6,000 għal raġel li nstab ħati li pprova jisraq minn farmhouse fin-Naxxar f’Lulju ta’ ħames snin ilu naqset għal tmintax-il xahar ħabs fil-Qorti t’ Appel.
Dan wara li l-Imħallef Edwina Grima osservat li l-prosekuzzjoni ma pprovatx li Joseph Zammit, ta’ 39 sena, daħal fil-propjeta ta’ ħaddieħor bil-forza jew li tela’ mal-ħajt ta’ barra biex kellu aċċess għal ġewwa- kif kienet aċċettat il-qorti tal-Maġistrati.
Għal kuntrarju tal-qorti tal-Maġistrati, l-Imħallef fl-Appell ħasset ukoll li l-offiża ma kinitx aggravata għaliex il-farmhouse la kienet f’ żona mwarrba u l-anqas kienet tintuża bħala residenza.
Iktar minn hekk, saħqet li l-akkużi fil-fedina penali ta’ Zammit b’ rabta ma’ serq ieħor, ma kienux ppruvati b’ sentenzi tal-qorti kif rikjest mill-proċedura kriminali.
Għal dawn ir-raġunijiet, is-sentenza naqsitlu b’mod drastiku.