M'hemmx kompromessi mal-prinċipji – Joseph Muscat | One News

Notifiki

M’hemmx kompromessi mal-prinċipji – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għalaq id-dibattitu fi stadju tat-tieni qari dwar il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ.

F’diskors ibbażat fuq prinċipji, il-Prim Ministru għamilha ċara li l-gvern mhu se jaċċetta ebda emenda li titfa’ lill-persuni LGBTIQ fit-tielet kategorija.

“L-idea li jerġgħu jidħlu kunċetti ta’ husband u wife, u jkun hemm żieda ta’ spouse hija inaċċettabbli, kif se tkun inaċċettabbli kull emenda simili li fis-sustanza jew fl-ispirtu ixxellef il-kunċett tal-ugwaljanza. Scaremongering dwar “omm” u “missier”.  Jien missier u ma nemmen li qed jitteħidli xejn, anzi qed nagħti lil uliedna. Hemm min qed jgħid li għandna naċċettaw dawn l-emendi f’ gieħ l-għaqda. Ma nistgħux infittxu għaqda fuq pożizzjoni li tiddiskrimina,” tenna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru qal li l-progress għandu bżonn mexxejja li jiftħulu l-bibien. Tenna li l-klassi politika trid tifhem li s-soċjetà ċivili issa għandha ħajja għaliha, li mhux se tistenna l-politika. Tenna li jew il-politiċi jmexxu l-bidla, jew inkella s-socjetà tibqa miexja u l-istrutturi tal-Istat isiru ikollhom ibatu biex ilaħħqu maż-żminijiet.

Qal li forsi għal konvenjenza politika jkun jaqbel għall-Gvern li jtawwal din il-kwistjoni, fejn l-istadju ta’ kumitat jieħu fit-tul kemm jista’ jkun. Iżda tenna li dan ma jkunx ġust ma’ dawk li ilhom tant jistennew din il-liġi. Il-Prim Ministru kompla jkun ċar fuq kemm il-gvern irid ineħħi d-diskriminazzjoni.

“Għal min qal li “jibża” li din il-liġi se tiftaħ il-bieb biex familji LGBTIQ ma jibqgħux jiġu diskriminati u eskluċi minn IVF, ngħidlu li iva, se nneħħu din id-diskriminazzjoni ukoll. Dan biex kulħadd jagħraf jimxi u l-pożizzjoni tal-Gvern tkun ċara jekk kien hemm qatt bżonn li tkun iċċarata aktar. Fuq l-ugwaljanza ma jistax ikollok kompromessi,” qal il-Prim Ministru.

Fakkar kif il-gvern m’għamilx kompromessi meta laħaq ftehim biex itemm il-martirju li kienet għaddejja minn Joanne Cassar persuna transgender li kienet għaddejja minn martirju biex tieħu d-drittijiet tagħha. Il-Prim Ministru fakkar kif ma kienx hemm kompromessi meta kien hemm min kien kontra dritt ta’ applikazzjoni ta’ addozzjoni minn koppji LGBTIQ.

“Li kieku dakinhar imxejna għal kompromess u x’qed jingħad li qed jgħidu n-nies. Dak it-tifel li qasam qalb Malta għaliex ħadd mill-imsejjħa koppji normali ma’ aċċettah għal adozzjoni minħabba diżabilita, kien ikun għadu bla familja li tħobbu.”

Il-Prim Ministru qal li li la l-Oppożizzjoni għandha emendi tagħha lesti, għandu jsir dibattitu tul il-jum tal-Ħamis u l-Ġimgħa, bil-kumitat jiltaqa fit-tul kemm hemm bżonn.  Vot finali fuq it-tielet qari ta’ din il-liġi jittieħed nhar l-Erbgħa li ġejjin u jkun vot reġistrat għal kull deputat.

Fuq kollox tkellem dwar kif f’ dan id-dibattitu l-parlament assista ghal diskorsi ta’ min b’ mod car ma jaqbilx ma’ din il-liġi, iżda qisu se jivvota favur xorta għax ta’ bilfors jew kontra qalbu, jew agħar, kontra l-kuxjenza. Dan ifisser li l-konvenjenza politika rebħet fuq fuq il-prinċipji. Iżda, fil-każ tal-Gvern il-vot huwa mnebbaħ mill-prinċipji.

“Lill-membri li sed jirrappreżentaw lill-Moviment f’dan il-Parlament ngħidilhom, ivvotaw favur anke jekk ifisser li mmorru fl-Oppożizzjoni. Għaliex din hija kwistjoni ta’ prinċipji mhux ta’ tattika. Kien hemm min qalina li kellna elezzjoni dwar prinċipji, jien ngħid li dan huwa Gvern ta’ prinċipji u aħna se nivvotaw b’qalbna, b’moħħna u bil-kuxjenza favour żwieġ indaqs għal kulħadd,” tenna fil-Parlament il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend