Iż-żgħażagħ b'opportunità li jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol | One News

Notifiki

Iż-żgħażagħ b’opportunità li jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol

 

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret skema għaż-żgħażagħ biex dan is-Sajf ikollhom opportunità li jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol ma’ entitajiet privati u organizzazzjonijiet non- governattivi.

Il-Work Trial Scheme for Youths, timmira li tintroduċi liż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u l-għoxrin sena, kif ukoll studenti li jattendu korsijiet f‘diversi entitajiet akkademiċi fid-dinja tax-xogħol u tgħinhom ukoll fl-għażla tal-karriera tagħhom.   Dawn iż-żgħażagħ ser ikollhom l-opportunità jidħlu u jesploraw id-dinja tax-xogħol, biex b’hekk jiksbu l-esperjenza neċċessarja għall-futur tagħhom.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Gvern qed jinvesti ħafna fiż-żgħażagħ tagħna, u dan huwa metodu tajjeb ta’kif il-Gvern jista’ jassisti f‘din il-fażi kritika tal-għażla tal-perkors tal-karriera.

Il-Ministru kompliet tgħid li l-istudenti jistgħu jaħdmu kemm mal-privat kif ukoll ma’ għaqdiet volontarji, biex b’hekk jiżdiedu l-valuri kemm tal-ħidma kif ukoll tar-rispett u s-solidarjetà.  Permezz ta’ din l-iskema, l-istudenti ser ikollhom qliegħ 75 ewro fil-ġimgħa, b’total ta’ 375 ewro f’ħames ġimgħat.

L-iskema tibda mis-7 t’Awwissu li ġej sas-7 ta’ Settembru, u l-applikazzjonijiet jinfetħu t-Tnejn 10 ta’ Lulju sal-14 ta‘ Lulju. L-applikazzjonijiet jkunu wkoll disponibbli online ukoll fuq www.mgoz.gov.mt.

Ritratti: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend