"Pajjiżna ta kontribut li jmur lil hinn mill-istorja tal-UE" – Joseph Muscat fi Strasburgu | One News

Notifiki

“Pajjiżna ta kontribut li jmur lil hinn mill-istorja tal-UE” – Joseph Muscat fi Strasburgu

Meta kien qed jitkellem fi Strasburgu fil-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li tul il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fi żmien qasir pajjiżna ta kontribut li jmur lil hinn mill-istorja kbira ta’ din l-Unjoni.

Il-Prim Ministru rrefera għal bosta dossiers li ngħalqu fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, waqt il-Presidenza Maltija.

Semma fost l-oħrajn it-tneħħija tat-tariffi tar-roaming u leġislazzjoni importanti biex l-istati membri jkunu marbuta ma’ regoli dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

Joseph Muscat kellu kliem ċar ukoll dwar l-immigrazzjoni.

Qal, “Is-solidarjetà ma nistgħux nibqgħu narawha bħala materja ta’ flus iżda filfatt hija aspett tal-umanità.”

B’ton mill-aktar skjett, il-Prim Ministru Malti qal li dwar l-immigrazzjoni bħala Unjoni Ewropea għad għandna minn xiex nistħu.

Dan b’referenza li s-solidarjetà effettiva dwar din il-kwistjoni għadha ma waslitx.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat semma wkoll kwistjonijiet oħra bħal BREXIT li pajjiżna ffaċċja b’suċċess matul il-Presidenza.

Joseph Muscat tkellem ukoll dwar it-tibdil fil-klima u l-avveniment storiku fejn l-Unjoni Ewropea ċċelebrat is-sittin anniversarju mit-twaqqif tagħha f’Ruma.

Intant il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker feraħ lil Prim Ministru Malti u l-iżgħar stat membru li rnexxielu jassumi b’suċċess il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Bħalissa huma bosta Membri Parlamentari Ewropej li qed jgħaddu r-rimarki dwar il-Presidenza Maltija.

Fost dawn kien hemm Helga Stevens mill-Belġju li faħħret lil Malta għal kif pruvat tmexxi ‘l quddiem il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Sostniet li bl-assi militari tagħha, Malta rnexxielha tipproteġi l-fruntieri Ewropej u offriet taħriġ lill-gwardjani tal-kosta Libjana.

Fil-Parlament Ewropew bħalissa għaddejjin bosta rimarki dwar il-Presidenza Maltija.

Membru Parlamentari Ewropew ieħor, il-Portugiż Carlos Zorrinho rrefera wkoll għat-tneħħija tat-tariffi tar-roaming u żviluppi interessanti fl-enerġija.

Spjega li dawn huma kollha sinjali pożittivi li għamlet Malta tul il-Presidenza.

Anki l-Irlandiż Seán Thomas Kelly għall-Partit Popolari Ewropew kellu kliem ta’ tifħir għall-Presidenza Maltija. Saħaq li pajjiżna kien eċċellenti f’dawn is-sitt xhur li għaddew.

Kelly ukoll semma l-kisba tar-roaming u spjega kif din se tibqa’ mfakkra bħala kisba importanti abbinata ma’ Malta.

Intant anki l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin Alfred Sant u Marlene Mizzi elenkaw għal ħidmet pajjiżna tul il-Presidenza.

Huma saħqu li minkejja d-daqs ċkejken ta’ pajjiżna, irnexxielna nagħmlu affarijiet kbar fl-ewwel nofs tas-sena.

Mhux l-istess għamel il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa li fil-Parlament Ewropew reġa’ attakka lil Gvern b’akkużi ta’ korruzzjoni.
Il-Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli wkoll aċċennat dwar is-solidarjeta’ fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Dalli qalet li spiċċa l-ħin għad-diskors fieragħ u rrelevanti d-daqs tal-pajjiżi iżda l-istati membri flimkien iridu jiġbru l-isforzi tagħhom u jindirizza bis-serjeta’ l-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend