Bħala parti mir-responsabbilta soċjali korporattiva tagħha, il-kumpanija tal-gaming Mr Green ħarġet b’inizjattiva biex, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, tgħin fit-tindif tal-ibħra Maltin.
Fil-fatt, l-Universita ta’ Malta qed tagħmel dal-proġett mal-Universita ta’ York, fejn studenti li jistudjaw l-immaniġjar tal-ambjent marittimu se jkunu qed inaddfu x-xtut u l-ibħra madwar il-gżejjer Maltin.
Dan filwaqt li se jkunu qed jieħdu kampjuni tal-ilma u jiġbru data fuq il-livell tas-saħħa tal-baħar, li se jintuża fl-istudji ambjentali tagħhom dwar il-plastik marittimu.
Il-kumpanija tal-gaming Mr Green, li hija bbażata f’Malta u li għal snin konsekuttivi rebħet diversi unuri, tidħol f’dan kollu billi se tkun hi li tieħu ħsieb il-manteniment tad-dgħajsa li se tintuża.
Il-kap eżekuttiv Jesper Karrbrink spjega kif din l-inizjattiva ħarġet mill-fatt li hekk il-kumpanija Mr Green ġabet numru kbir ta’ nies f’Malta li baqgħu impresjonati bis-sbuħija tagħha, dejjem inħass dak id-diżappunt bl-ammont ta’ skart fl-ibħra Maltin.
Kien għalhekk li Mr Green ħass il-ħtieġa li jagħti lura xi ħaġa lil pajjiż li laqahom b’idejh miftuħin.
Preżenti għat-tnedija ta’ ‘Clean the Seas’ kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera, li esprima l-gratitudni tal-gvern lejn din l-inizjattiva.
Dan filwaqt li emfasizza li jeħtieġ li jkun hemm iktar edukazzjoni, hekk kif il-plastik li qed jintrema qed jittiekel minn ħut żgħir, li mbagħad jittiekel minn ħut ikbar. Ħut li aktarx jinqabad mis-sajjieda biex jittiekel mill-bnedmin.