Il-PN biegħu s-sigurtà tat-tfal tal-iskola – One News

Notifiki

Il-PN biegħu s-sigurtà tat-tfal tal-iskola

  • Biex iraħħsu l-prezz neħħew l-obbligu li kull vettura jkollha ċ-ċintorini tas-sigurtà għall-passiġġieri kollha
  • Proċess tax-xiri beda xahar qabel bdiet l-iskola
  • Dgħufija tal-Ministeru waslet għal telf sinifikanti fil-valur tas-servizz
  • Addottaw mezz aktar mgħaġġel u anqas kompettitiv fl-għażla tat-tender

Il-kuntratt li sar fl-2011 għas-servizz tat-trasport tal-iskejjel bejn Gvern Nazzjonalista u ħames operaturi tat-trasport ġie kkritikat mill-Awditur Ġenerali dan minħabba nuqqas ta’ governanza tajba.

Fil-fatt, ir-rapport jinnota li biex amministrazzjoni preċedenti tnaqqas il-prezz li kien rikjest oriġinarjament mill-kuntratturi saħansitra tneħħa l-obbligu li kull vettura tkun mgħammra b’ċintorini tas-sigurtà għall-passiġġieri kollha. L-Awditur qal li “dan kien sproporzjonat meta mqabbel mat-tnaqqis marġinali fil-prezz kollettiv ta’ 4%.”

Fir-rapport li l-Awditur Ġenerali ppreżenta fil-Parlament ikkonkluda li Gvern Nazzjonalista ma ħax il-valur ta’ dan il-kuntratt ta’ €43 miljun minħabba l-approċċ dgħajjef tal-Ministeru u l-atteġjament imponenti tal-kuntratturi.

Ġie wkoll osservat kif dan il-proċess ta’ xiri kien imdgħajjef minn istanzi li jindikaw l-eżistenza ta’ atteġjament  kollużiv bejn il-kuntratturi involuti. L-Uffiċċju tal-Awditur innota ukoll li, meta ffaċċjat b’dan l-atteġjament, il-Ministeru ta’ Dolores Cristina pproġetta sens ta’ rassenjazzjoni, li kompla saħħaħ l-id tal-kuntratturi f’dawn in-negozjati.

Ir-rapport innota li mal-iskadenza tal-kuntratt ta’ qabel mal-iskadenza tal-ftehim preċedenti, l-intenzjoni oriġinali tal-Ministeru ma kinitx li jerġa’ jassigura s-servizz permezz ta’ tender kompettitiv kif rikjest mill-prinċipji ta’ governanza tajba, iżda li jadotta mezz aktar mgħaġġel u inqas kompetittiv dan għaliex fost oħrajn il-proċess beda biss xahar qabel il-bidu ta’ sena skolastika ġdida.

L-Awditur innota li l-effett ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet laħaq il-qofol tiegħu fil-fażi finali ta’ dawn in-negozjati, fejn il-Ministeru kien ikkomprometta fuq il-kundizzjonijiet tal-kuntratt biex jipprova jnaqqas il-prezz li kien rikjest oriġinarjament mill-kuntratturi.

Sas-sena skolastika li jmiss, il-Gvern hu marbut b’dan il-ftehim ma’ ħames operaturi tat-trasport pubbliku biex jipprovdu t-trasport tal-istudenti. Dan hekk kif il-ftehim tal-2011 sar għal perjodu ta’ sebà snin u għalhekk il-Gvern se jkun ħallas lill-operaturi madwar €42.7 miljun.

B’reazzjoni għal dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni fi stqarrija qal li taħt dan il-gvern se jkun assigurat li l-proċess ta’ negozjar għall-kuntratt tat-trasport li se jseħħ fiż-żmien li ġej, isir b’mod iktar raġjonevoli u b’valur għall-flus. Abbażi ta’ dan, il-Ministeru ħatar grupp ta’ ħidma biex jevalwa dan ir-rapport filwaqt li jħejji l-parametri għan-negozjar tal-istess kuntratt, biex dak li ġara sitt snin ilu ma jirrepetix ruħu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend