Malta tingħaqad fit-tislima lil Kohl – One News

Notifiki

Malta tingħaqad fit-tislima lil Kohl

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia attenda għaċ-ċerimonja Ewropea li qed tfakkar il-memorja tal-eks Kanċillier tal-Ġermanja Dr Helmut Kohl, fejn fiha huwa rrappreżenta l-Gvern Malti.

Din iċ-ċerimonja saret fil-Parlament Ewropew, u għaliha attendew l-ogħla awtoritajiet, kemm mill-Ewropa kif ukoll minn pajjiżi oħra madwar id-dinja. Is-Segretarju Parlamentari esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar is-sinifikat importanti ta’ din iċ-ċerimonja li qed tikkommemora l-ħidma ta’ persuna li kellha viżjoni kbira Ewropea ta’ għaqda u sinerġija. Aaron Farrugia rrimarka fuq il-ħtieġa li l-ħidma b’eżempju ta’ dan iċ-ċittadin onorarju Ewropew tibqa’ tiġi meħuda bħala ispirazzjoni.

Dan sabiex fi żminijiet ta’ klima internazzjonali diffiċli nkomplu nibnu Ewropa b’saħħitha li taqsam il-ġid maċ-ċittadini tagħha, fuq livell ekonomiku, soċjali u politiku. “Id-dirgħajn tal-istorja issa jinsabu fuq spallejna biex infasslu u ngħixu l-proġett Ewropew li ried l-eks Kanċillier Kohl”, qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Din iċ-ċerimonja kienet indirizzata mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-President tal-Kummissjoni Ewropea JeanClaude Juncker, u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, li ddeskrivew lil Helmut Kohl bħala “a great European”.

Fil-kapaċità personali tagħhom għaddew messaġġi l-eks President tal-Istati Uniti Bill Clinton, l-eks Prim Ministru Spanjol Felipe González, u l-Prim Ministru Russu Dmitry Medvedev. Id-diskorsi tal-għeluq saru mill-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend