L-aħbar wara l-ftehim | One News

Notifiki

L-aħbar wara l-ftehim

L-iljieli ta’ negozjati, is-sigħat ta’ diskussjonijiet fil-Kunsill u ż-żjarat tal-politiċi Maltin fi Brussell, Strasburgu jew il-Lussemburgu kien hemm bżonn li jkunu kkomunikati biex b’hekk il-pubbliku seta’ jkun mgħarraf b’dak li kollu li kien qed jiġri. Rwol f’dan kollu, fost tim kbir ta’ nies, kellhom Wendy Borg, waħda mill-kelliema għall-Presidenza u Ray Attard, fotografu li tul il-Presidenza kien ibbażat Brussell. Tkellimna magħhom dwar din l-esperjenza.

Kemm ilek fil-fotografija?

Ta’ 16-il sena xtrajt l-ewwel kamera tar-ritratti tiegħi. Ili fix-xogħol tal-fotografija mal-35 sena.

X’differenza rajt mill-Presidenza għal esperjenzi oħra?

Ix-xogħol tiegħi fi Brussell kien jirrikjedi li permezz tal-fotografija u l-filmati nuri dak kollu li qed jiġri hawnhekk relatat mal-Presidenza. Kellna sitt xhur u fuqhom ta’ xogħol intens, żmien li għalih trid tippjana minn qabel u torganizza l-apparat li hemm bżonn. Nista’ ngħid li rnexxieli niddokumenta parti mill-istorja Ewropeja.

Kif ħassejtek tgħix Brussell?

Għalkemm Malta tibqa’ art twelidi, Brussell u l-ibliet tal-madwar fissru għalija arja friska… hawn aktar ftuħ. Jogħġobni l-fatt li din hija belt li toffri aċċess għall-kumplament tal-Ewropa b’aktar faċilità.

Liema kien l-iktar politiku f ’dawn is-sitt xhur li faċli ġġibu tajjeb f ’ritratt?

L-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech.

Ta’ xiex se tħoss l-ikbar nuqqas?

Kien proġett intens ħafna li issa se jieqaf f ’daqqa u allura se nħoss in-nuqqas tar-rutina u l-ġenn tax-xogħol hawnhekk. Se nħoss in-nuqqas tal-libertà li tħoss meta tgħix f ’pajjiż li jinsab fiċ-ċentru tal-Ewropa.

Ibgħatli l-iktar ritratt għal qalbek.

Dan ir-ritratt juri lill-President Tusk u l-President Juncker fl-aħħar Summit tal-Mexxejja Ewropej. Naħseb huwa ritratt li jfisser ħafna

X’ kienet l-esperjenza tiegħek bħala kelliema tal-Presidenza?

L-għanijiet tiegħi kienu tnejn: li isem ta’ pajjiżna jkun imħares, filwaqt li nkomplu nibnu fuq l-isem tajjeb li ħadna bil-Valletta Summit u Summits oħrajn, u t-tieni kien li nwasslu lil dan il-vapur fil-port minkejja d-diffikultajiet marbutin mad-daqs ta’ pajjiżna u anke r-riżorsi limitati tagħna. Forsi għal ħafna l-Presidenza ma kinetx ċara x’inhi. Għal dawn is-sitt xhur pajjiżna kien fittmun tal-aġenda tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Maltin kienu qed jiddeċiedu b’liema pass għandna nimxu fuq diversi leġiżlazzjonijiet u kienu l-Maltin li kellhom jinnegozjaw mhux biss bejn il-pajjiżi membri iżda wkoll mal-Parlament. Dan meta jkollok 28 opinjoni differenti fuq kull paragrafu ta’ kull proposta u l-Maltin bħala l-Presidenza kellhom jinnegozjaw biċċa biċċa pożizzjonijiet komuni fuq diversi proposti, li ovvjament ma kinetx xi ħaġa faċli li ssir. L-akbar sfida kienet li dan jiġi rifless fil-midja internazzjonali u anke lokali, u bħala kelliema tal-Presidenza kien ifisser li rrid inwieġeb f ’isem 28 membru, mingħajr ma nfixklu dak li jkun qed jiġi nnegozjat. Tajjeb li ngħidu wkoll li l-ġurnalisti li jaħdmu fi Brussell isegwu millqrib u huma ffukati fuq temi partikolari, allura x-xogħol kien jirrikjedi ħafna qari u kuntatt kontinwu kemm mal-uffiċjali tagħna li kienu qed jinnegozjaw u anke mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Fuq nota personali, meta nħares lura ngħid li kienet esperjenza li ma ninsa qatt u nista’ ngħid unika. L-esperjenza biddlitni ħafna u fetħitli orizzonti ġodda li qabel ma kontx inħares lejhom. Il-fatt li anke trid tgħix bogħod minn pajjiżek ukoll hija sitwazzjoni ta’ sfida. Hemm ukoll il-fatt li fi Brussell, hemm modus operandi ferm differenti minn Malta u għalhekk trid tadatta għal dawn is-sitwazzjonijiet, mingħajr iżda ma’ titlef il-perspettiva lokali. Jiġifieri trid tiftaħ moħħok iżda mingħajr ma tabbanduna dak li sawrek.

X’kienet l-ikbar sfida?

L-ammont ta’ ġurnalisti li jsegwu x-xogħol tal-Unjoni Ewropea huwa kbir ħafna u jirrappreżentaw pajjiżi differenti, anke minn barra l-Ewropa. Kulħadd ikollu l-interessi tiegħu, u anke l-aġenda tiegħu, u l-isfida ewlenija li kelli kienet li nibni relazzjoni tajba magħhom, u noħloq bilanċ bejn l-interessi tal-Presidenza u l-interessi tal-ġurnalisti. Dan kollu kien jitlob li jien insegwi x-xogħol li jkun għaddej fil-Kunsill biex inżomm ruħi aġġornata fuq dak li għaddej. Dan ix-xogħol kien jinvolvi wkoll il-preparazzjoni tal-Ministri tal-Gvern tagħna peress li wara kull Kunsill dawn kellhom jindirizzaw konferenzi u intervisti. Nista’ ngħid ukoll li bħala Presidenza konna b’saħħitna ħafna fuq il-midja soċjali, bl-udjenza li mmirajna għaliha tkun il-midja fi Brussell.

X’kienu qed jgħidu l-ġurnalisti dwar il-Presidenza Maltija?

Peress li pajjiżna huwa l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea u l-Presidenza kienet l-ewwel esperjenza tagħna, kien hawn l-impressjoni li l-Presidenza Maltija kienet se tkun waħda passiva li ftit li xejn tagħmel progress fuq dawk il-proposti li kienu fuq l-aġenda. Iżda llum meta jħarsu lura u jaraw il-kisbiet kollha, il-Presidenza Maltija mhux biss kienet suċċess kbir iżda wkoll eċċellat u tat impetus ġdid dwar kif għandha tkun il-Presidenza tal-Kunsill. Fil-fatt mexxejja, bħal Donald Tusk, mexxejja ta’ pajjiżi oħra u anke midja barranija ddeskrivew il-Presidenza Maltija bħala a tough act to follow.

Semmili episodju li jibqa mmarkat f’moħħok?

Aktar milli episodju, iktar il-mod kif pajjiżna żgħir kemm hu żgħir, jekk ikollna l-aspirazzjoni u d-determinazzjoni li naslu għal oġġettiv tagħ- na, the sky could be the limit. Pajjiżna kien fid-driving seat, u meta tara kif il-mexxejja Ewropej kienu qed iħarsu lejn il-Prim Ministru Malti, anke fl-elezzjoni ta’ Donald Tusk, kienet xi ħaġa li baqgħet f ’moħħi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend