Wara l-elezzjoni l-akbar livell ta' ottimiżmu fost il-familji f'pajjiżna | One News

Notifiki

Wara l-elezzjoni l-akbar livell ta’ ottimiżmu fost il-familji f’pajjiżna

F’Ġunju l-livell ta’ ottimiżmu fost il-familji f’pajjiżna laħaq l-ogħla rata qatt osservata.

Dan joħroġ mill-istħarriġ li l-Kummisjoni Ewropea ilha tagħmel f’pajjiżna kull xahar minn Jannar 2003.

Filwaqt li ħames snin ilu l-istħarriġ tal-Kummisjoni kien juri livell ta’ pessimizmu qawwi fost il-familji, issa għandna t-tieni l-aqwa rata fiż-Żona Ewro.

Wara r-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali, il-proporzjon ta’ familji li qed jistennew li l-qagħda finanzjarja tagħhom se titjieb aktar milli rdoppja.

Irdoppja wkoll il-proporzjon ta’ familji li jaħsbu li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber aktar din is-sena, tant li l-proporzjon osservat f’Ġunju huwa l-ogħla qatt osservat mindu beda jsir l-istħarriġ tal-Kummisjoni Ewropea.

Mentri madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, maġġoranza ta’ 45% ta’ dawk intervistati f’Malta qalu li bħalissa qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti relattivament kbar, grazzi għall-qagħda finanzjarja tajba tagħhom.

Dan huwa l-ogħla proporzjon qatt osservat f’Malta u l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, kważi d-doppju tar-rata osservata fil-Ġermanja, l-pajjiz bit-tieni l-aqwa riżultat. Barra minn hekk il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ jaħsbu li l-qgħad se jkompli jonqos fiż-żmien li ġej.

L-istħarriġ tal-Kummisjoni Ewropea li sar fost 1,520 kumpanija u 1,000 familja fil-ġimgħat ta’ wara l-elezzjoni juri li f’Malta hawn t-tieni l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi fiż-Żona Ewro.

Fl-istħarriġ l-akbar ottimiżmu kompla jispikka fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi f’pajjiżna, li jinkludu kumpaniji fis-settur finanzjarju u tal-gaming. Dawn ghandhom livell ta’ kunfidenza d-doppju tal-medja fl-UE.

Maġġoranza ta’ 21% tal-operaturi Maltin fil-qasam tas-servizzi sostnew li għandhom aspettativi aħjar għax-xhur li ġejjin, minkejja li diġa marru tajjeb fix-xhur li għaddew. Għalhekk kważi terz minnhom qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.

Fil-qasam tar-retail, maġġoranza ta’ 10% tal-operaturi ndikaw li qed jistennew żieda fil-bejgħ. Fl-industrija, maġġoranza ta’ 44% tal-kumpaniji kellhom titjib fil-produzzjoni, u għalhekk maġġoranza ta’ 37% tal-fabbriki qalu li se jżidu il-ħaddiema fit-tlett xhur li ġejjin. Fil-fatt dawn il-fabbriki qalu li għandhom ordnijiet b’lura għall-erba’ xhur.

Fil-qasam tal-kostruzzjoni, skont l-operaturi kien hemm żieda qawwija fl-attivita u għalhekk maġġoranza ta’ 25% minnhom se jfittxu li jħaddmu aktar nies. Filfatt in-negozji tal-kostruzzjoni irraportaw lill-Kummisjoni Ewropea li għandhom xogħol b’lura għal sitt xhur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend