Ikomplu jinsulentaw l-intelliġenza tal-poplu | One News

Notifiki

Ikomplu jinsulentaw l-intelliġenza tal-poplu

Fl-elezzjoni tal-2013, il-poplu Malti u Għawdxi ta messaġġ ċar lin-Nazzjonalisti. Qalilhom bl-aktar mod ċar: Fit-tmexxija tal-pajjiz ma rridux nies arroganti.  Ma rridux nies li jinsulentaw l-intelliġenza tal-poplu. Jidher iżda li dan il-messaġġ, in-Nazzjonalisti ma ħaduhx, anke jekk erba’ gimgħat biss ilu, il-Partit Nazzjonalista ġarrab l-akbar telfa elettorali fl-istorja politika ta’ pajjiżna.

Għaliex qiegħed ngħid hekk? Għax anke f’dawn l-aħħar jiem, bi kliemhom u b’kitbithom komplew jinsulentaw l-intelliġenza tal-poplu.

Ħa nsemmi ftit eżempji.  Kellna lill-Kap Simon Busuttil jgħid li waqqgħu il-gvern f’erba’ snin.  Ovvja r-reazzjoni ta’ min għandu rasu fuq għonqu.  Liema gvern twaqqa’?  Jewilla mhux Gvern Laburista kellna, u Gvern Laburista għad għandna!  Anzi Gvern Laburista aktar b’saħħtu!

Imbagħad kellna artiklu tad-deputat Jason Azzopardi, esponent ewlieni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. It-titlu ta’ dan l-artiklu kien:  ‘Min hu għadu tal-poplu?’ Mhux tinsulenta l-intelliġenza tal-poplu tkun qiegħed meta lill-istess poplu tgħidlu li erba’ ġimgħat ilu ivvota bi ħġaru għal min hu għadu tiegħu?!

Kellna wkoll artiklu tal-Ewro-Parlamentari David Casa li fost affarijiet oħra kiteb: ‘ Aħna għandna lil pajjizna f’qalbna u anke f’din il-legiżlatura se nkomplu nġibu l-interess nazzjonali qabel kull interess ieħor’.

Meta għamel minn kollox biex iħammeġ isem pajjiżna fil-każ tan-nomina ta’ Toni Abela, u aktar tard ta’ Leo Brincat, għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, David Casa kien qed iġib l-interess nazzjonali qabel kull interess ieħor?!

M’hemm l-ebda dubju li David Casa ma ġabx l-interess nazzjonali qabel kull interess ieħor meta propju ftit tal-jiem ilu għamel minn kollox biex iħammeġ isem pajjiżna fil-preżenza tal-Prim Ministru fil-Parlament Ewropew!

Jien m’għandi ebda dubju li David Casa xejn mhu kuntent bil-kummenti li saru f’dawn l-aħħar jiem fejn il-Gvern Malti, jew aħjar ngħid pajjiżna, kien imfaħħar bil-kbir fuq il-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Kien ikun kuntent kieku l-kummenti kienu l-kuntrarju għax l-istess David Casa, qabel il-presidenza, kien qal lill-Parlament Ewropew li ma konniex ippreparati għall-presidenza.  Kien qal li t-tħejjijiet li kienu saru kienu dilettanteski.

Komplu insulentaw l-intelliġenza tal-poplu u mill-ħażin tmorru għall-agħar.

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Send this to a friend