Il-KE timmulta lil Google €2.42 biljun talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha – One News

Notifiki

Il-KE timmulta lil Google €2.42 biljun talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha

Il-Kummissjoni Ewropea mmultat lil Google €2.42 biljun talli kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bħala magna tat-tiftix billi tat vantaġġ illegali lil prodott ieħor tal-Google, is-servizz tat-tqabbil tax-xiri tagħha.

Issa l-kumpanija għandha ttemm l-imġiba tagħha fi żmien 90 jum jew inkella taffaċċja pagamenti penali ta’ massimu ta’ 5% tal-medja tal-fatturat globali ta’ kuljum ta’ Alphabet, il-kumpanija omm ta’ Google.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, stqarret:

“Google ħarġet b’ħafna prodotti u servizzi innovattivi li għamlu differenza f’ħajjitna. Din hija ħaġa tajba. Imma l-istrateġija ta’ Google fis-servizz tagħha ta’ tqabbil tax-xiri ma kinitx tiffoka biss fuq kif se tattira lill-konsumaturi permezz tat-titjib tal-prodott tagħha meta mqabbel mal-prodotti tar-rivali tagħha. Minflok, Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bħala magna tat-tiftix billi ppromoviet is-servizz tagħha stess ta’ tqabbil tax-xiri fir-riżultati tat-tiftix tagħha u billi rrelegat ‘l isfel ir-riżultati tal-kompetituri.

Dak li għamlet Google huwa illegali skont ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Hija ċaħdet lill-kumpaniji l-oħra mill-opportunità li jikkompetu abbażi tal-merti u li jinnovaw. U l-iktar ħaġa importanti, Google ċaħdet lill-konsumaturi Ewropej minn għażla ġenwina ta’ servizzi u mill-benefiċċji sħaħ tal-innovazzjoni.”

X’għamlet Google? 

Il-prodott ewlieni ta’ Google huwa l-magna tat-tiftix ta’ Google, li tipprovdi riżultati ta’ tiftix lill-konsumaturi li jħallsu għas-servizz permezz tad-dejta tagħhom. Kważi 90% tad-dħul ta’ Google joriġina mir-riklami, bħal dawk li turi lill-konsumaturi bħala reazzjoni għal rikjesta ta’ tiftix.

Fl-2004, Google daħlet fis-suq separat ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fl-Ewropa permezz ta’ prodott li inizjalment kien jismu “Froogle”, li imbagħad, fl-2008, ingħata l-isem “Google Product Search” u mill-2013 sar jissejjaħ “Google Shopping”. Is-servizz jippermetti lill-konsumaturi biex jikkumparaw il-prodotti u l-prezzijiet onlajn u biex isibu negozji ta’ kull tip minn bejjiegħa onlajn, inkluż minn ħwienet onlajn ta’ manifatturi, minn pjattaformi onlajn (bħal Amazon u eBay), u minn bejjiegħa li jbiegħu mill-ġdid.

Meta Google daħlet fis-swieq tat-tqabbil tax-xiri permezz ta’ Froogle, diġà kien hemm għadd ta’ parteċipanti stabbiliti. Evidenza kontemporanja minn Google turi li l-kumpanija kienet konxja li l-prestazzjoni tas-suq ta’ Froogle kienet pjuttost dgħajfa (dokument intern wieħed minn 2006 stqarr “Froogle simply doesn’t work” / “Bażikament, Froogle ma jaħdimx”).

Is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jiddependu, fil-biċċa l-kbira, fuq it-traffiku sabiex ikunu kompetittivi. Iktar traffiku jwassal għal iktar klikkjaturi u jiġġenera iktar dħul. Barra minn hekk, iktar traffiku jattira wkoll iktar bejjiegħa li jridu jniżżlu l-prodotti tagħhom b’servizz ta’ tqabbil tax-xiri. Minħabba l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fit-tiftix ġenerali bl-internet, il-magna tat-tiftix tagħha hija sors importanti ta’ traffiku għal servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

Mill-2008, Google bdiet timplimenta bidla fundamentali fl-istrateġija tagħha biex tpoġġi fuq quddiem is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha fis-swieq Ewropej. Din l-istrateġija kienet tiddependi fuq id-dominanza ta’ Google fit-tiftix ġenerali bl-internet minflok fuq il-kompetizzjoni abbażi ta’ merti fis-swieq ta’ tqabbil tax-xiri:

  • Google sistematikament tat spazju prominenti lis-servizz tagħha stess ta’ tqabbil tax-xiri: meta konsumatur idaħħal rikjesta fil-magna tat-tiftix ta’ Google li abbażi ta’ din, is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google jrid juri riżultati, dawn jiġu murija fil-parti ta’ fuq tar-riżultati tat-tiftix jew viċin il-parti ta’ fuq.
  • Google rrelegat is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri tar-rivali fir-riżultati tat-tiftix tagħha: servizzi ta’ tqabbil tax-xiri tar-rivali jidhru fir-riżultati tat-tiftix ta’ Google abbażi tal-algoritmi tat-tiftix ġeneriċi ta’ Google. Google inkludiet għadd ta’ kriterji f’dawn l-algoritmi, li b’riżultat tagħhom is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri tar-rivali jiġu rrelegati ‘l isfel. L-evidenza turi li anke s-servizz rivali bl-ogħla klassifikazzjoni, bħala medja, jidher biss fuq ir-raba’ paġna tar-riżultati tat-tiftix ta’ Google, u l-oħrajn jidhru iktar ‘l isfel. Is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google stess mhuwiex soġġett għall-algoritmi tat-tiftix ġeneriċi ta’ Google, inkluż tali relegazzjonijiet.

B’riżultat ta’ dan, is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google huwa ħafna iktar viżibbli għall-konsumaturi fir-riżultati ta’ tiftix ta’ Google, filwaqt li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri tar-rivali huma ħafna inqas viżibbli.

L-evidenza turi li l-konsumaturi jikklikkjaw ħafna iktar ta’ spiss fuq riżultati li huma iktar viżibbli, jiġifieri, fuq ir-riżultati li huma kklassifikati f’pożizzjoni ogħla fir-riżultati ta’ tiftix ta’ Google.

Anke fuq desktop, l-għaxar riżultati ta’ tiftix ġeneriċi kklassifikati fl-ogħla post fuq l-ewwel paġna, flimkien ġeneralment jirċievu madwar 95% tal-klikkjaturi kollha fir-riżultati ta’ tiftix ġeneriċi (bl-ogħla riżultat jirċievi madwar 35% tal-klikkjaturi kollha).

L-ewwel riżultat fuq it-tieni paġna tar-riżultati ta’ tiftix ġeneriċi ta’ Google jirċievi madwar 1% biss tal-klikkjaturi kollha. Dan ma jistax jiġi spjegat biss mill-fatt li l-ewwel riżultat huwa iktar rilevanti għax l-evidenza turi wkoll li ċ-ċaqliq tal-ewwel riżultat għat-tielet klassifikazzjoni jwassal għal tnaqqis fin-numru ta’ klikkjaturi b’madwar 50%. L-effetti fuq il-mowbajls huma ħafna iktar enfassizzati minħabba d-daqs tabilħaqq iżgħar tal-iskrijn.

Dan ifisser li meta tat spazju prominenti lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha biss u permezz tar-relegazzjoni tal-kompetituri tagħha, Google tat vantaġġ sinifikanti lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha stess meta mqabbel ma’ dawk tar-rivali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend