Inxammru l-kmiem | One News

Notifiki

Inxammru l-kmiem

Fi ftit jiem wara li hareġ ir-riżultat elettorali, il-Prim Ministru ħabbar il-kabinett il-ġdid li bih se jkun qed jibda’ it-tieni leġiżlatura tiegħu fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. It-talent ma jonqosx, anki jekk hemm tibdil fl-uċuħ tal-membri parlamentari meta mqabbel mal-leġiżlatura preċedenti.

Issa li tlestew l-elezzjonijiet każwali, uffiċjalment ġie komplut il-grupp parlamentari laburista wara l-elezzjonijiet tat-3 ta’ Ġunju. Grupp Parlamentari li fih taħlita tajba f’dak li huwa riżors uman – b’individwi ġodda u dawk b’esperjenza parlamentari kif ukoll taħlita ta’ membri żgħażagħ u dawk ikbar fl-eta’. Grupp li jidħer promettenti, u f’sintonija mal-istil ta’ tmexxija, u l-viżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ħaġa li wieħed jinnota ukoll huwa l-element żgħażugħ u l-fiduċja li għandu l-Prim Ministru fit-tim tiegħu. Eżempju ċar huwa l-fiduċja li wera’ f’Ian Borg meta ġie afdat b’wieħed mill-akbar Ministeri – dak tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali. Miegħu nsibu membri parlamentari żgħażagħ oħra bħal Aaron Farrugia, Clint Camilleri u Byron Camilleri li lkoll qed jaqdu rwol important fil-ħidma ta’ dan il-Gvern.

Apparti li nawgura lill-kandidati kollha li ġew eletti, minn hawn nixtieq nirringrazzja wkoll lill-kandidati kollha fuq il-lista tal-Partit Laburista. Grazzi tal-ħin li ddedikajtu, u għall-kontribut tagħkom fl-akbar rebħa tal-Partit Laburista. Ukoll nixtieq nestendi l-apprezzament tiegħi lill-kandidati kollha li tefgħu isimhom għal dawn l-elezzjonijiet, irrispettivament mill-partit li kkontestaw miegħu. Il-ħidma ta’ kull kandidat kienet tfisser sagrifiċċju kbir, imsarraf f’inqas ħin mal-familja kif ukoll finanzjarju, sabiex iwassal il-messaġġ li jemmen fih.

Il-kampanja elettorali 2017 waslet fi tmiemha. Il-battibekki politiċi partiġġjani li assistejna għalihom matul il-kampanja għandhom jingħataw il-ġenb u nħarsu l’quddiem f’ħidmietmna. Issa huwa importanti li l-Gvern jerġa’ jiffoka fuq il-ħidma tiegħu sabiex ikompli jmexxi l-pajjiż il-quddiem mingħajr ma jitlef ir-ritmu mal-kompetituri tagħna. Il-Ministri, Segretarji Parlamentari u Membri Parlamentari għandhom jonoraw il-fiduċja li tagħhom l-elettorat permezz ta’ iktar ħidma għall-ġid tal-Pajjiż u ċ-ċittadini.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend