Mill-ġdid fin-nofs tal-kamra | One News

Notifiki

Mill-ġdid fin-nofs tal-kamra

Anġlu Farrugia, se jerġa’ jkun il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Fl-aħħar leġiżlatura daħal b’ruħu u b’ġismu għal dan l-irwol u jekk wieħed jista’ jkun kritiku tiegħu f’ċerti aspetti żgur ħadd ma jista’ jgħid li ma ħax dan l-irwol bis-serjetà. Fil-bidu ta’ leġiżlatura ġdida l-gazzetta KullĦadd tkellmet miegħu dwar dak li nkiseb fl-aħħar ħames snin u dak li rridu għal li ġej.

Fl-aħħar leġiżlatura int kont l-ewwel speaker full time wara ħafna snin. Hekk beħsiebek terġa’ tkun fiż-żmien li ġej?

Għall-ewwel domanda nista’ nwieġeb mal-ewwel; Iva, jien kont l-ewwel Speaker full-time minn l-Indipendenza ’l hawn matul it-12-il Leġiżlatura, li jien ippresedejt bejn l-2013 u l-2017, preċiżament sal-1 ta’ Mejju 2017 meta l-Parlament ġie xolt. Ċertament se nerġa’ nkun Speaker full-time għat-13-il leġiżlatura wkoll.

X’inhuma l-vantaġġi ta’ din id-deċiżjoni?

Nista’ ngħid li l-vantaġġi huma enormi; l-ewwel nett tkun iffokat, jiġifieri ma jkollok xejn aktar ħlief li tikkonċentra fuq ix-xogħol tal-Parlament u allura tista’ tagħmel aktar ħin biex mhux biss tagħmel il-qari tiegħek u tara d-dokumentazzjonijiet kollha u mhux sempliċement tagħtihom pinzellata, apparti li tkun tista’ tagħmel ħafna riċerka biex mhux biss tkabbar l-għerf dwar ix-xogħol tal-Parlament imma anke tgħolli l-livell tal-Parlament. Fil-fatt, fl-aħħar erba’ snin saru bidliet kbar, apparti l-bini li fih innifsu jrid attenzjoni kontinwa. Nista’ ngħidlek li wara erba’ snin għadna nindirizzaw problemi f’din il-binja u li kieku mhux għax qiegħed full-time, kieku kollox jgħaddi, imma kollox jgħaddi jfisser li jkollok problemi li dejjem jikbru.

L-aħħar erba’ snin kienu snin fejn il-Parlament ra bidliet kbar, fosthom it-televiżjoni. Żied il-parteċipazzjoni jew żied il-pika?

Irrid ngħid ukoll li għamilna revoluzzjoni kbira biex il-Parlament jersaq aktar lejn il-poplu. Jien rajt u insistejt, u anke daħħalna emendi fil-liġi tax-xandir, biex il-Parlament ikollu l-istazzjon televiżiv tiegħu bil-liċenzja tkun fuq l-Ispeaker u b’hekk, l-editorjal ikun kontrollat, meta jkun hemm bżonn, min-naħa tiegħi. Irrid nara wkoll li dan jikber. Is-sehem tat-televiżjoni fil-plenarja, jiġifieri fejn is-seduti tal-Parlament ikunu qed jixxandru b’mod dirett, irridu ngħaddu minn ċerti problemi bħalma għaddew pajjiżi oħra li daħħlu t-televiżjoni. Jien niftakar fil-bidu tas-snin tmenin, fi żmien Margaret Thatcher, Prim Ministru tal-Ingilterra dak iż-żmien, meta daħal it-televiżjoni fil-House of Commons. Hemmhekk kienu jsiru ċerti xenati li llum wieħed ma tantx għadu jarahom u aħna rridu ngħaddu minnhom ukoll. Però mxejna.

Imbaghad kien hemm il-bidliet leġiżlattivi. Liema hi l-iktar għal qalbek u li taħseb għamlet differenza?

Il-bidliet leġiżlattivi kienu enormi. Għamilna quantum leaps kbar f’dawn l-erba’ snin; quantum leaps li ħadd qatt ma stenna li se nagħmlu. Qed nitkellem dejjem fil-Parlament. Pereżempju wara aktar minn 96 sena ta’ Parlament mill-1921, meta ngħatajna l-ewwel Kostituzzjoni, l-Amery Milner, dejjem kien hemm l-importanza li l-Parlament jinqata’ kompletament minn kull tip ta’ influwenza mill-Eżekuttiv. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar 20 sena, prattikament mill-1992/1993, Speaker wieħed wara l-ieħor – primarjament ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti għax qabel ma tela’ l-Gvern Laburista fl-2013 kulma kien hemm perjodu qasir ta’ Gvern Laburista, bejn l-1996 u l-1998 – għamlu karba qawwija biex il-Parlament isir awtonomu mil-lat ta’ amministrazzjoni.
Irrid ngħid li l-Partit Laburista qabel l-2013 kien diġà qal li jrid jindirizza din l-awtonomija meta jkun elett, u allura fil-programm elettorali. Jien ipparteċipajt bis-sħiħ biex nara li din issir u fil-fatt fil-5 ta’ Awwissu tal-2016 saret liġi. B’hekk, illum il-Parlament Malti huwa wieħed mill-aqwa parlamenti nazzjonali b’awtonomija amministrattiva impekkabbli li effettivament ifisser li l-Parlament imexxi lilu nnifsu u jkollu l-baġit tiegħu, li jkun mgħoddi b’financial plan li nippreżenta jien fil-House Business Committee imma mhux li naqgħu taħt dibattitu fl-Appropriation Bill, jiġifieri fil-liġi finanzjarja fil-Parlament. B’hekk, aħna minflok bqajna niġu trattati qisna dipartiment tal-Gvern, illum aħna kompletament awtonomi.

Kuntent kif il-Membri Parlamentari jġibu ruħhom però?

Saru wkoll bidliet kbar fil-mod kif il-Membru Parlamentari jġib ruħu. Illum għandek il-liġi tal-public standards u fit-13-il Leġiżlatura se naraw il-ħatra tal-ewwel Kummissarju għall-Istandards li se jirrapporta lili bħala Speaker u bħala Chairperson tal-Kumitat dwar il-Ħajja Pubblika u nieħdu wkoll azzjoni fil-konfront ta’ dak il-Membru li jkun qed jabbuża mill-Kodiċi ta’ Etika u agħar minn hekk, jekk ikun kiser il-liġi jkun ukoll suġġett għal investigazzjoni minn awtorità bħalma hija l-Pulizija jew il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.

Jiġifieri għalkemm baqa’ xi jsir tħoss li mxejna ħafna?

Jiġifieri d-differenzi huma kbar. Jien meta mort quddiem il-GRECO, jiġifieri l-kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa li jiġġieled il-korruzzjoni, baqgħu impressjonati bir-rapporti li għamilt jien u bir-rapporti li kkummissjonajt jien stess bil-għan li nkomplu ntejbu mhux biss il-governanza tal-Parlament u t-trasparenza imma anke l-immedjatezza tat-trasparenza. L-għaqda tal-ġurnalisti Ewropej, li kollha ġew hawnhekk jiddiskutu miegħi, qalu li l-ebda parlament nazzjonali fl-Ewropa m’għandu l-immedjatezza tat-trasparenza tad-dokumentazzjoni li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra bħall-Parlament tagħna. Dan għaliex aħna npoġġuhom onlajn fi żmien ftit minuti. Jiġifieri x’qed ngħid? Hawnhekk qed ngħid kemm mexa ’l quddiem il-Parlament.

Kuntent bil-mod kif jitwieġbu l-mistoqsijiet parlamentari?

Matul it-12-il Leġiżlatura saru aktar minn 33,000 mistoqsija parlamentari. Wieħed irid iqis li din kienet twila erba’ snin u allura kważi sar xogħol darba u nofs aktar minn leġiżlaturi ta’ ħames snin taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Barra minn hekk, għaddew aktar minn 187 liġi meta l-medja hija ta’ 110 liġijiet kull ħames snin. Dan kollu sar għaliex daħħalna wkoll l-effiċjenza fil-Parlament. Ma jistax ikun li Membru Parlamentari jieħu ħafna ħin biex jagħmel argument. Il-konsum tal-ħin għandu jiġi limitat. Fil-fatt, fil-leġiżlatura ta’ qabel kien hemm mozzjoni ta’ proċedura li tgħid li membru ma jistax idum jitkellem aktar minn 30 minuta. Jien qed ngħid, u anke tkellimt fl-okkażjoni tas-Sette Giugno ta’ din is-sena, ftit wara t-tħabbir tar-riżultat tal-elezzjoni, li flimkien mal-Oppożizzjoni u l-Gvern għandna niftiehmu biex nagħmlu revisiting tal-Ordnijiet Permanenti biex wieħed ma jingħatax aktar minn 20 minuta biex jagħmel il-punti tiegħu.

Imma int bħala Speaker għandek xi saħħa biex titfa’ direzzjoni jew oħra meta jkun hemm battibekk anke dwar mistoqsijiet mhux imwieġba?

Dwar kif jitwieġbu l-mistoqsijiet parlamentari tajjeb ngħid li s-Sedja ma tindaħalx. L-importanti li jkun hemm it-tweġiba u mbagħad inħallu f’idejn il-pubbliku biex jagħmel l-analiżi tiegħu. Tajjeb ngħid però li għamilna application għall-mistoqsijiet parlamentari għall-mobiles u għall-computers li permezz tagħha wieħed mhux biss jista’ jara l-mistoqsijiet li jsiru u t-tweġibiet, imma jsib ukoll profiling xjentifiku dwar it-tip ta’ mistoqsijiet li jagħmel kull membru parlamentari u r-risposti li jingħataw mill-Ministru. Dan sabiex iċ-ċittadin ikollu aktar aċċessibilità għas-sistema parlamentari. Din l-application saret grazzi għall-Fakultà tal-IT tal-Università. Jien u l-uffiċċju tiegħi wasalna fi ftehim mar-rettur u mal-MITA biex niżviluppaw dan il-programm ħalli ċ-ċittadin ikun jista’ janalizza waħdu kemm qed jaħdem dak il-Parlamentari u kemm qed jaħdem dak il-Ministru.

Però żgur hemm fejn intejbu. Fejn tara iktar lok għal bidliet?

Dażgur li hemm! Pereżempju jien irrid nara li jsiru aktar riformi filwaqt li ntejbu s-sistema tar-riċerka u l-aċċessibilità tal-librerija fl-istess Parlament. S’issa, il-Level -2 għadu ma ġiex żviluppat, però rrid nirringrazzja lill-Gvern talli fl-aħħar baġit għaddieli ammont ta’ flus konsiderevoli biex issa nistgħu nibdew ix-xogħlijiet.

L-attendenza. X’differenza għamlet is-sistema tal-multi?

Dwar l-attendenza ngħid li għamilna żviluppi importanti wkoll. Introduċejna l-multi biex issa aħna t-tieni parlament nazzjonali fl-Ewropa li daħħal id-dixxiplina. Huwa importanti li daħlet id-dixxiplina; la persuna ġiet eletta trid tkun preżenti fil-Parlament u għalhekk, is-sistema tal-multi qiegħda taħdem.

Tixtieq tara iktar konfront jew iktar djalogu fil-Parlament. Fl-aħħar legiżlatura kellek tagħmel diversi rulings tant li ppubblikajt kotba?

Ovvjament il-konfronti se jkunu hemm. Id-djalogu se jkun hemmhekk ukoll. L-importanti għalija huma r-rulings, li kienu 109 f’dawn l-aħħar erba’ snin u kollha huma ppubblikati f’sitt kotba. Tajjeb ngħid li din hija l-ewwel darba li r-rulings mogħtija mill-Ispeaker bdew jiġu ppubblikati b’mod immedjat. Dawn huma rulings riċerkati u jistgħu jservu bħala referenza għall-Parlamentari kollha. Illum ċerti proċeduri huma stabbiliti, hemm il-preċedent, hemm id-direzzjoni, u allura nifhem li għalkemm it-12-il Leġiżlatura kienet qawwija ħafna, kien hemm rulings li kienu interessanti ħafna. Tant hu hekk li ċerti rulings telgħu wkoll għad-diskussjoni u saret referenza għalihom fil-Commonwealth. Fil-fatt, irrid nirringrazzja lill-Ispeakers tal-Commonwealth li eleġġewni bħala wieħed mill-membri fl-eżekuttiv tal-Ispeakers tal-Commonwealth u anke eleġġewni bħala l-ewwel President tal-iSmall Branches tal-Commonwealth Parliamentary Association, li huma pajjiżi li għandhom popolazzjoni ta’ inqas minn nofs miljun ruħ.

Temmen li hemm tliet partiti jew tnejn kif qalet il-Qorti?

Dwar il-partiti fil-Parlament ovvjament jekk naqbilx mad-deċiżjoni tal-Qorti jew le hija xi ħaġa li mhux se niddiskutiha. Li rrid ngħid huwa li hija stramba li partit politiku jkollu maġġoranza qawwija ta’ aktar mill-aħħar elezzjoni tal-2013 u xorta jispiċċa b’seba’ siġġijiet. Dan il-fenomenu wieħed irid jiddiskutih. Hija stramba at face value però hemm punti legali li wieħed jista’ jidħol fihom u naħseb li tkun interessanti li jkollna direzzjoni anke forsi minn xi awtorità jew qorti internazzjonali f’dan il-kuntest.

Hemm ħafna deputati ġodda. X’inhu l-parir tiegħek għalihom?

Nifraħ ħafna d-deputati ġodda, li huma pjuttost numerużi. Nista’ ngħid li għandna kważi terz, jekk mhux aktar, tal-membri kollha li huma ġodda. Il-parir li nagħtihom huwa dan: importanti li tisimgħu mid-deputati li ilhom fil-Parlament però importanti aktar li tkunu tafu l-Ordnijiet Permanenti, li tagħmlu r-riċerka tagħkom, li taqraw u tagħmlu analiżi ta’ kull suġġett li jkun għad-dibattitu però fl-istess ħin importanti li tistudjaw il-proċedura ħalli dejjem ittejbu l-prestazzjoni tagħkom.
Irrid ngħid li bħalma għamilt fl-aħħar leġiżlatura f’din il-leġiżlatura se nagħmel workshop għall-Parlamentari l-ġodda biex flimkien inkunu nistgħu niddiskutu l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, li issa saru diversi emendi għalihom matul il-leġiżlatura li għadha kif għaddiet, u forsi niddiskutu wkoll xi rulings li wieħed meta jaqrahom ma jkunx ċar mid-direzzjoni li jkollu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend