Deputati tal-PN mhux komdi bil-bidla fil-liġi taż-żwieġ… grupp Parlamentari jaħraq | One News

Notifiki

Deputati tal-PN mhux komdi bil-bidla fil-liġi taż-żwieġ… grupp Parlamentari jaħraq

Għalkemm fil-grupp Parlamentari tal-Ġimgħa diskussjoni dwar il-koalizzjoni kienet waħda skomda, l-ikbar dibattitu kien dwar il-liġi taż-żwieġ. Fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista kien hemm min qal lil Busuttil li bħal-ftehim tal-koalizzjoni hu ddikjara vot favur il-liġi taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess mingħajr ma kien jaf x’se jkun propost.

Fil-fatt il-grupp Parlamentari ħaseb li se jkun hemm bidla biss fl-isem tal-unjoni ċivili imma l-Gvern ippropona bidla fl-att dwar il-liġi taż-żwieġ. Għax inkella kienet tinħoloq sitwazzjoni fejn ikunhemm żewġ liġijiet taż-żwieġ. Deputati Nazzjonalisti xejn mhuma komdi b’dan, anke jekk aċċettaw li jivvutaw iva. Kienet il-gazzetta KullĦadd li żvelat dawn id-dettalji li tirrapporta dwarhom ukoll it-Times of Malta.

Saħansitra t-Times of Malta rrapporta li hemm numru ta’ deputati parlamentari li riedu free vot dwar is-suġġett, għaliex skont huma l-liġi tmur kontra l-mandat li għandu l-gvern. Fil-fatt jirriżulta li għalkemm se jivvotaw favur dawn id-deputati għamluha ċara li se jkunu qed iresqu emendi.

Id-diskussjoni dwar x’għandu jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar din il-liġi li se tibda tkun diskussa minn għada spiċċat ukoll diskussjoni dwar x’għandu jagħmel il-Partit Nazzjonalista minn issa ’l quddiem fuq temi marbuta ma’ libertajiet ċivili.

Deputati ta’ esperjenza nnotaw fil-grupp kif kien Simon Busuttil l-ewwel li ddikjara li kien se jivvota favur din il-liġi bit-tama li l-Partit Nazzjonalista jirkupra xi ftit mill-appoġġ li tilef wara l-vot tal-Unjoni Ċivili. Dan qabel kien lest il-manifest elettorali. Kien hemm deputati li dan għamluh ċar kristall u li qalu li għalkemm kontra qalbhom se jkollhom jivvotaw favur għax hemm impenn elettorali li m’opponewx f’mument ta’ kampanja elettorali.
Però jridu li qabel jieħu deċiżjonijiet simili l-Partit Nazzjonalista jibda jagħmel diskussjoni b’ iktar serjetà. Deher ċara l-appoġġ ta’ grupp mhux żgħir ta’ deputati għall-ħsieb li esprima iktar minn darba l-eks Ministru Tonio Fenech biex it-tmexxija l-ġdida terġa’ tiskopri l-għeruq li fuqhom inbena l-partit magħruf għas-sejħa religio e patria. Kienu diversi d-dikjarazzjonijiet fil-grupp li kien inutli li Simon Busuttil prova jidher bħala l-iktar liberali għax dan ma sewa għalxejn u għalhekk hemm bżonn li l-partit ma jinjorax l-appoġġ tradizzjonali tiegħu.
Naturalment id-deputati kienu mfakkra li dak ma kienx l-iskop tal-laqgħa u fl-aħħar mill-aħħar nstab kompromess li jivvutaw favur il-liġi li se jimbotta l-Gvern minn għada anke jekk uħud kontra qalbhom.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend