Programm ta' Gvern għal poplu magħqud | One News

Notifiki

Programm ta’ Gvern għal poplu magħqud

Il-messaġġ ewlieni fil-programm tal-gvern kif moqri mill-President tar-Repubblika fil-ftuħ tat-tlettax il-Parlament kien li dak tagħna hu pajjiż li jrid jaħdem għall-għaqda.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet “pajjiżna jista’ jimxi verament ’il quddiem, bħala poplu wieħed, bl-għaqda u fl-għaqda.”

Dan il-messaġġ il-gvern ħadu billi anke d-diskors li qrat il-President kien nieqes mill-kontroversja politika u saħansitra kien diskuss magħha. Il-messaġġ tal-gvern f’dan id-diskors kien ċar. Hemm bżonn li l-pajjiż ikun magħqud biex jimxi iktar ‘il quddiem.

Il-President qalet li “f’pajjiż b’popolazzjoni ta’ ftit inqas min-nofs miljun ruħ, ma nistgħux ninfirdu bejn kuluri, jew jekk aħniex Maltin jew Għawdxin, jew jekk aħniex min-naħa ta’ fuq jew min-naħa ta’ isfel ta’ Malta, jew jekk aħniex ġejjin minn familja sinjura jew fqira.”

Intqal li jeħtieġ li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jagħrfu jaħdmu flimkien, biex jindirizzaw dawn ir-realtajiet differenti, filwaqt li titkompla wkoll, id-diskussjoni politika li pajjiżna jeħtieġ.

Għax hekk titlob id-demokrazija.

Sostniet li “id-demokrazija tisħaq ukoll li diskorsna, ikun rispettuż u dinjituż. L-insulti u t-tgħajjir, ma jagħmlux ġieħ lill-politiċi.”

Iżda, il-politiċi jridu jkunu huma stess, li jagħtu r-rispett u d- dinjità lil xulxin, biex il-poplu jsegwi.

Għax l-eżempju jkaxkar.

Il-gvern irid li titwieled it-Tieni Repubblika, u din id-darba tkun Repubblika msejsa fuq l-għaqda fejn il-pajjiż ikun imħejji għall-ġejjieni.

Ma naqsitx referenza għall-avvanz ekonomiku. Il-ġid li l-pajjiż irid joħloq bie x ikun jista’ jitqassam u l-poplu ikompli jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar. Hawn il-gvern għandu mira ċara.

Kompliet billi semmiet kif “il-mira tal-Gvern se tibqa’ li l-ġid nazzjonali jibqa’ jiżboq il- medja Ewropea biex bħala Maltin ngħixu bħal, u anke aħjar, minn ċittadini f’pajjiżi Ewropej oħra.

Għal darb oħra l-program tal-gvern jaħseb għat-tnaqqis tat-taxxi għal min jaħdem u li tinżamm l-attitudni pro business. Tissemma wkoll il-l-ħtieġa ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda, filwaqt li jissaħħu dawk preżenti bħas-settur finanzjarju. Priorita assoluta l-linja nazzjonali tal-ajru.

Il-President tar-Repubblika qalet li “min-naħa l-oħra, prijorità ewlenija fl-ewwel żmien ta’ din il- leġiżlatura, għandha tkun l-Air Malta. Anke hawn, jeżisti l- bżonn ta’ koperazzjoni nazzjonali bejn il-partiti politiċi, l- istakeholders u l-unions biex tiġi salvata l-linja nazzjonali tal- ajru.

Issemmew ukoll għadd kbir ta’ inizjattivi għal Għawdex, filwaqt li saret emfasi fuq is-settur soċjali. Hawn ukoll issemmew għadd kbir ta’ inizjattivi li l-gvern beħsiebu jimplimenta. Iż-żidied fiċ-ċhildrens allowance, iċ-ċhild bonus u l-għotjiet għall-familji li jaddottaw. L-avvanz ekonomiku jġib ukoll sfidi soċjali u għalhekk ma naqsitx referenza lejn l-isfida tal-akkomodazzjoni.

Hi qalet li “għalhekk, prijorità f’dan il-qasam se tkun, li nżidu b’mod qawwi l-proġetti ta’ housing soċjali. Il-mira ewlenija tal-Gvern hija li tispiċċa l-waiting list ta’ nies jistennew akkomodazzjoni soċjali, bil-prijorità għandha tingħata lill-familji bit-tfal u persuni vulnerabbli.”

Ingħata rendikont dettaljat ta’ kif se jkomplu jkunu msaħħa l-oqsma tal-edukazzjoni, il-persuni b’diżabbilita u s-saħħa. Fil-qasam tal-ambjent se jkun hemm protezzjoni fil-kostituzzjoni u numru ta’ riformi oħra. Imbagħad saret referenza lejn l-ewwel ħidma leġiżlattiva li għandu l-parlament Malti mill-ġimgħa d-dieħla.

Il-President qalet li “fil-qasam tad-drittijiet ċivili li għandhom jidħlu f’pajjiżna diġà tħabbar li fost l-ewwel liġijiet, se jkun hemm il-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ, li din il-Kamra se tiddiskuti nhar it-Tnejn li ġej.”

Hemm imbagħad il-ħidma li trid issir fil-qasam infrastrutturali. Bil-program tal-gvern li jsiru t-toroq kollha fis-seba’ snin li ġejjin jibda jkun implimentat f’din il-leġiżlatura. Imbagħad hemm id-diskussjoni biex il-pajjiż ikun imħejji għall-ġejjieni billi jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tiegħu.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li “hemm diskussjonijiet profondi, li jeħtieġ isiru, fosthom, dwar il-possibbiltà li deputati Parlamentari eletti, jingħataw l-għażla li jservu full-time. F’dan il-kuntest ukoll, u anke biex il-Parlamentari, jkollhom sens akbar ta’ responsabbiltà fid- diskorsi tagħhom, għandha tiġi diskussa l-possibbiltà, li jiġi riformat l-hekk imsejjaħ privileġġ Parlamentari, u titneħħa l- immunità Parlamentari. Dawn huma riformi li għandhom jitmexxew mill-Uffiċċju tal-Ispeaker.

Riforma oħra maħsuba biex issaħħaħ il-prinċipji ta’ kontabbiltà u meritokrazija, hija d-dħul ta’ liġi li tara li Ambaxxaturi u persuni li jokkupaw karigi ewlenin f’awtoritajiet regolatorji jitpoġġew taħt skrutinju Parlamentari.”

Il-messaġġ tal-President tar-Repubblika intemm kif beda. Ir-riformi li jrid jara pajjiżna għandhom isiru fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali.

Hi saħqet li “il-Gvern huwa impenjat li jwettaq dan il-programm kollu f’kuntest ta’ għaqda nazzjonali, fejn jaf li mhux se jkun qed jilħaq kompromess fuq kollox.

Peró l-pajjiż irid jara li jkun matur biżżejjed biex lill-ġenerazzjonijiet li jmiss iħallilhom pajjiż aħjar.

Hi temmet billi qalet li “mumenti ta’ maturità ta’ poplu li jogħla ‘il fuq minn dak li jifirdu u jitgħannaq ma’ dak kollu li jgħaqqdu.

Huwa b’hekk, li dan il-programm li qed jippreżenta l-Gvern, għandu jħalli, mhux biss riżultati konkreti, li jħosshom kulħadd fl-oqsma ekonomiċi, finanzjarji u soċjali, iżda wkoll, għandu jħalli legat ġdid u dejjiemi, permezz tal-ogħla liġi ta’ Malta, li għandha sservi lil pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend