Minn sentenza ta’ ħabs għal multa – One News

Notifiki

Minn sentenza ta’ ħabs għal multa

Paul Philip Caruana, li kien qed jiskonta sentenza ta’ tliet snin ħabs kellu s-sentenza tiegħu mnaqqsa għal multa wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell.

Caruana ta’ sebgħa u erbgħin sena mill-Mosta kien instab ħati li kellu fil-pussess tiegħu droga kokaina li mill-kwantità deher li ma kinitx kollha għall-użu personali tiegħu.

Fil-Qorti, Caruana qal li kien xtara ħmistax-il kilogramma kokaina, li kienet erbgħin fil-mija pura, biex ikollu biżżejjed għal ħmistax-il ġurnata f’Għawdex flimkien mat-tfajla tiegħu.

Il-Maġistrat, fl-ewwel sentenza, ma kienx emmen din il-verżjoni anke għax fil-post li nstabet id-droga ma kien instab l-ebda apparat li jintuża għall-konsum tad-droga u għalhekk dan żied id-dubju li d-droga kienet għall-użu personali tiegħu.

Minkejja dan, l-avukat tad-difiża kien qal li biex wieħed jieħu l-kokaina ma għandu bżonn l-ebda għodda.

Il-Qorti tal-appell qalet li l-liġi ma tgħidx x’inhu l-ammont minimu ta’ droga li tindika li se tintuża għall-użu personali.

Finalment il-qorti kkonkludiet li għal persuna b’dipendenza fuq id-droga, mhux ħaġa kbira li din tixtri ammont kbir ta’ droga biex isserviha jekk tkun sejra għal xi btala. Innotat ukoll li l-akkużat dejjem għen lill-Pulizija u kixef mingħand min xtara d-droga, tant li dan kien ġie arrestat.

Għalhekk, il-Qorti tal-Appell, żammet biss il-multa ta’ elfejn ewro li l-akkużat kien intalab iħallas.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend