Leah tingħata premju Papa Ġwanni XXIII tal-għajnuna li offriet lil ħabibta – One News

Notifiki

Leah tingħata premju Papa Ġwanni XXIII tal-għajnuna li offriet lil ħabibta

It-tifla ta’ erbatax-il sena Leah Cocks ġiet mgħotija il-premju Papa Ġwanni XXIII għat-tjubija. Dan wara li kienet anġlu għal seħbitha Kelly li bħal sajjetta fil-bnazzi bdiet tbagħti minn kundizzjoni li twassal biex l-ispina ta’ dahra tiżviluppa b’rata ferm iktar mgħaġġla mill-kumplament ta’ ġisimha.

Dan poġġa lil Kelly fi stat kritiku ħafna minħabba l-fatt li qabel hi kienet diġà esperjenzat il-ħajja mingħajr l-effetti tal-kundizzjoni, kif ħakmitha, qabditha wkoll trawma li ġiegħlitha ma tħarisx fiss f’għajnejn ħaddieħor.

B’kuntrast mat-tfal l-oħra li bdew jitbiegħdu sew minnha Leah ħalliet lil sħabha biex tkun tista’ tgħinha f’dak kollu li jkollha bżonn fil-waqt li fl-aħħar mill-aħħar tkun il-ħabiba tagħha.

Dan kien ġest li ħadd ma kien qabbad lil Leah biex tagħmel. Hi kienet ukoll tgħinha fix-xogħlijiet tal-iskola fil-waqt li meta l-kundizzjoni tagħha waqqfet lil Kelly milli tkun tista’ tikteb, Leah ħadet l-irwol ukoll li tikteb in-noti kollha tal-klassi lil Kelly.

Dan il-premju huwa mgħoti mill-‘Laboratorju tal-Paċi’ li ngħata l-bidu tiegħu mill-Patri Dijonijsu Mintoff.

Huwa saħaq li Leah telqet mill-mentalità tal-kompetizzjoni u intrabtet mal-ħbiberija u l-paċi.  Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca saħħqet kif dan huwa l-atteġġjament li se jagħmel lil Leah u tfal oħra bhalha mexxejja futuri tajbin ta’ dan il-pajjiż.

Leah saħħqet li dak li għamlet għamlitu biex tkun ħabiba tajba ta’ Kelly iżda qatt ma bassret li kienet se tasal s’hawn.  Kelly wkoll qalet li kienet kuntenta ħafna bil-premju li Leah irċeviet u qalet li din kienet ċelebrazzjoni tal-ħbiberija tagħhom li jawgura tajjeb biex l-ħbiberija tagħhom issa tkompli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend