GRENFELL: 79 persuna mejta wara difett fi fridge-freezer | One News

Notifiki

GRENFELL: 79 persuna mejta wara difett fi fridge-freezer

Il-Pulizija qalet li n-nar fit-torri Grenfell, f’Londra, beda minn fridge-freezer tal-mudell Hotpoint FF175BP. Huwa kompla jinfirexx minħabba li s-sistema’ ta’ insulazzjoni falliet testijiet tas-sigurtà.

F’testijiet li saru jirriżulta li l-materjal ħa in-nar ftit wara li bdew it-testijiet fuqu. L-esperti se ikomplu jeżaminaw il-kisi tal-aluminju, l-insulazzjoni warajh, kif ukoll il-mod li bih il-madum ġie mwaħħal u nstallat mal-bini.

Ġew infurmati b’dan il-fabbrikanti industrijali li jipproduċu dan il-fridge kif ukoll id-Dipartiment tal-Enerġija Kummerċjali u l-Politika Industrijali. Filwaqt li qed isiru iktar testijiet fuq il-prodott, dawn qalu li l-fridge qatt ma kien irtirat mis-suq.
Għalkemm il-Pulizija Metropolitana tgħid li n-nar ma tqabbadx deliberatament, hija se tkun qed tikkonsidra l-akkużi ta’ omiċidju. Hija qed tħares ukoll lejn ir-regolamenti tas-saħħa u sigurtà. L-investigazzjonijiet jinvolvu kull kumpanija li kellha x’taqsam mal- bini u r-rinnovament tat-Torri Grenfell.
Il-prijorita’ tibqa’ li jiġu kkonfermati l-ammont ta’ nies li kienu fit-torri fil-ħin tal-inċident u s-sigurtà interna tat-torri. Huwa mifhmum li 79 persuna mietu wara li n-nar qered 151 appartament fit-torri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend