Raġel Filippin tilef ħajtu wara li waqa’ madwar erba’ sular għoli waqt li kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq vapur f’Birżebbuġa.
L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-4:50 fuq vapur ħdejn il-Port Ħieles, Birżebbuġa.
Minn stħarriġ preliminari illi sar mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li Filippin ta’ 57 sena għal xi raġuni waqa’ għoli ta’ madwar erba’ sulari waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħolijiet fuq vapur.
Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tassisti lill-baħri iżda sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr G Mercieca LLD. li ordna li ssir Inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Intant fi stqarrija l-Malta Freeport Terminals uriet is-solidarjetà tagħha mal-familja tar-raġel li tilef ħajtu abbord l-MSC Ravenna, li waqaf fil-faċilità ta’ Terminal 2 fil-Freeport.
L-istqarrija tgħid li kien ġew infurmati dwar l-inċident, li seħħ waqt li l-membri abbord MSC Ravenna kienu għaddejjin b’operazzjoni indipendenti sabiex jagħtu l-fjuwil lill-vapur tal-merkanzija, il-Maniġer li kien preżenti sejjaħ b’mod immedjat it-tim t’emerġenza fejn sfortunatament hu ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.