Malta tappella għal sforzi ikbar  fuq ir-ritorn u r-riammissjoni tal-migranti – One News

Notifiki

Malta tappella għal sforzi ikbar  fuq ir-ritorn u r-riammissjoni tal-migranti

Jinħtieġ li l-Unjoni Ewropea żżid, illum qabel għada, l-isforzi tagħha fil-qasam tar-ritorn u r-riammissjoni ta’ immigranti li mhumiex intitolati għall-protezzjoni internazzjonali. Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (KAB) fil-Lussemburgu.

Barra minn hekk, iż-żieda fl-għadd ta’ migranti li qed jaqsmu lejn l-Ewropa minn fuq ir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran turi kemm hemm bżonn li din tibqa’ tiġi indirizzata b’mod ħolistiku, żied jgħid. Huwa ssuġġerixxa li t-Tunezija tingħata spazju akbar bħala pajjiż sieħeb f’dan il-proċess, filwaqt li l-Libjani jingħataw aktar għajnuna biex jaffaċċjaw l-isfidi ta’ pajjiżhom fi sforz biex jikseb lura l-istabbiltà.

Il-Ministru laqa’ tajjeb ir-Raba’ Rapport ta’ Progress tal-Qafas ta’ Sħubija ma’ pajjiżi terzi sena wara li nħoloq, kif ukoll ir-riżultati pożittivi li nkisbu s’issa, speċjalment fil-ġlieda kontra l-iffaċilitar tal-migrazzjoni irregolari u kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Din kienet l-ewwel laqgħa tal-KAB li l-Ministru Abela ħa sehem fiha minn mindu ngħata l-inkarigu ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Kienet ukoll l-aħħar waħda ta’ din il-konfigurazzjoni li saret taħt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, qabel ma r-responsabbiltà tgħaddi għand l-Estonja fl-1 ta’ Lulju.

L-aġenda tal-laqgħa kienet waħda intensiva, u ffukat fuq kwistjonijiet topiċi bħall-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin adottaw Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li huma riżultat tanġibbli ieħor tal-ħidma tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Federica Mogherini, bl-appoġġ sħiħ tal-Presidenza Maltija.

Il-laqgħa bdiet b’diskussjoni dwar it-twettiq tal-Istrateġija Globali tal-UE, wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport ta’ progress li jeżamina b’reqqa kbira l-kisbiet tal-Istrateġija sena wara li ġiet ippreżentata. Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin laqgħu tajjeb il-progress u r-riżultati li kien hemm s’issa, u esprimew l-importanza li jibqa’ għaddej ix-xogħol sabiex l-istrateġija titwettaq kollha kemm hi u f’kull qasam li tkopri.

Fuq l-aġenda kien hemm ukoll diskussjoni dwar il-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, li fiha ħadet sehem id-Deputat Segretarju Ġenerali tan-NATO, Rose Gottemoeller. Iż-żewġ naħat qablu fuq il-ħtieġa li tikber il-koperazzjoni bejniethom sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà ’l ġewwa mill-fruntieri tal-Ewropa, minħabba li l-ebda pajjiż jew istituzzjoni ma jistgħu jagħmlu dan waħedhom. Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin iddiskutew ukoll il-qagħda fl-Iraq u l-aħħar żviluppi fil-kriżi tal-Golf.

Wara l-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru Abela attenda għal-Laqgħa Ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant. Din serviet ta’ opportunità għall-Ministrri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-kontrapartijiet tagħhom mill-Isħubija tal-Lvant biex jiddiskutu l-preparamenti tal-Laqgħa Għolja tal-Isħubija tal-Lvant li se ssir fi Brussell fl-24 ta’ Novembru 2017 u x’inhu mistenni li joħroġ minnha.

Fil-marġini tal-KAB, il-Ministru Abela kellu laqgħa bilaterali mas-Segretarju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Boris Johnson. Iż-żewġ ministri tkellmu dwar kwistjonijiet ta’ interess bilaterali u multilaterali, fosthom il-ġejjieni tal-Commonwealth u l-effetti li jista’ jkollu l-Brexit. Boris Johnson faħħar lil Malta talli rnexxielha żżomm lill-Istati membri tal-UE flimkien waqt perjodu iebes li kienet għaddejja minnu l-Unjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend