30 sena ta’ skambji Erasmus – One News

Notifiki

30 sena ta’ skambji Erasmus

  • Bil-plus iktar opportunitajiet għall-ġejjieni

L-Unjoni Ewropea ċċelebrat it-30 anniversarju tal-programm Erasmus. Biex tfakkar l-okkażjoni, il-Kummissjoni Ewropea nediet ukoll applikazzjoni mobbli ġdida ta’ Erasmus+. Maħsuba għall-istudenti, għall-istudenti vokazzjonali u għall-parteċipanti fi skambji taż-żgħażagħ, din l-app se tiffaċilita l-esperjenza taż-żgħażagħ f’Erasmus+.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Kull ewro li ninvestu f’Erasmus+ huwa investiment fil-futur — fil-futur taż-żgħażagħ u tal-idea Ewropea tagħna. Ma nistax nimmaġina min l-aktar jistħoqqlu dan l-investiment tagħna jekk mhux dawn il-mexxejja ta’ għada. Filwaqt li qed niċċelebraw il-parteċipazzjoni tad-disa’ miljun persuna, irridu niżguraw li nkunu disa’ darbiet aktar ambizzjużi fir-rigward tal-futur tal-programm Erasmus+.”

Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, qal: “Hekk kif kull skambju ta’ Erasmus+ iwassal għal esperjenza tal-ħajja li – kemm b’mod professjonali kif ukoll personali – 30 sena ta’ mobilità u ta’ kooperazzjoni taw lill-Ewropa ġenerazzjoni b’moħħ miftuħ u intraprenditorjali ta’ disa’ miljun persuna li llum qed isawru l-futur tas-soċjetà tagħna. Permezz ta’ Erasmus+, l-app il-ġdida se tqarreb liż-żgħażagħ mid-dinja kollha lejn l-Ewropa.”

Għall-programm li se jappoġġja aktar minn erba’ miljun persuna biex jistudjaw, jitħarrġu u jagħmlu volontarjat barra mill-pajjiż bejn l-2014 u l-2020, l-App Mobbli ta’ Erasmus+ tirrappreżenta titjib importanti.

Din se tiggwida lill-istudenti, lill-istudenti vokazzjonali u liż-żgħażagħ matul l-esperjenza tagħhom f’Erasmus+. Din l-app se tgħin sabiex il-programm ikun aktar inklużiv u aktar aċċessibbli għal kulħadd. Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tibni l-futur ta’ Erasmus+ lil hinn mill-2020 flimkien mal-ġenerazzjoni ta’ Erasmus+ biex issaħħaħ il-programm u tiżgura li dan jilħaq firxa usa’ ta’ żgħażagħ.

L-App Mobbli ta’ Erasmus+ se tippermetti lill-parteċipanti li:

Faċilment jimmoniterjaw il-progress tagħhom fid-diversi passi amministrattivi kemm qabel, matul u wara s-soġġorn tagħhom barra mill-pajjiż. Permezz tal-app, l-istudenti se jkunu jistgħu wkoll jaqblu u jiffirmaw onlajn il-ftehimiet relatati mal-istudju tagħhom kemm mal-universitajiet li jibagħtuhom kif ukoll dawk li jospitawhom.

Jiskambjaw u jivvutaw is-suġġerimenti favoriti biex jgħinu lill-oħrajn biex jintegraw fil-komunità lokali; kif ukoll itejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom permezz ta’ link diretta għall-pjattaforma ta’ appoġġ Lingwistiku Onlajn ta’ Erasmus+, li toffri korsijiet onlajn u għajnuna interattiva diretta.

L-ewwel verżjoni tal-app diġà hija disponibbli kemm għall-iOS kif ukoll għall-Android. Elementi ġodda u aġġornamenti kontinwi dalwaqt se jestenduha għal gruppi oħra ta’ parteċipanti ta’ Erasmus+ u se jiżguraw li l-app tkopri wkoll il-ħtiġijiet futuri tal-ġenerazzjoni ta’ Erasmus+.

Mill-bidu tal-programm Erasmus oriġinali fl-1987, disa’ miljun persuna bbenefikaw minn skambju barra mill-pajjiż. Fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem fi Strasburgu, il-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni taw premjazzjoni simbolika lid-“disa’ miljun parteċipant ta’ Erasmus+”, lil 33 rappreżentant tal-ġenerazzjoni ta’ Erasmus+, wieħed minn kull pajjiż Ewropew parteċipanti. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni kienet segwita minn dibattiti dwar il-futur tal-programm Erasmus+ lil hinn mill-2020, li involvew liż-żgħażagħ, lill-parteċipanti u lill-organizzazzjonijiet ta’ Erasmus+, lill-NGOs, lill-Membri tal-Parlament Ewropew, u lill-membri attwali u preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea — inkluż dawk li kkontribwew għall-ħolqien tal-Programm Erasmus oriġinali.

Mit-tnedija tiegħu fl-1987 – bil-parteċipazzjoni ta’ 11-il pajjiż u 3,200 student – Erasmus ta lil disa’ miljun persuna l-possibbiltà li jistudjaw, jitħarrġu, jagħmlu volontarjat jew jiksbu esperjenza professjonali barra mill-pajjiż. Il-Programm Erasmus+ ġie maħluq fl-2014, bl-integrazzjoni tal-inizjattivi kollha fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ u tal-isport, f’qafas uniku tal-UE. Bħalissa hemm 33 pajjiż Ewropew parteċipanti fil-programm (it-28 Stat Membru tal-UE kif ukoll it-Turkija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein)u f’anqas minn tliet snin kien hemm aktar minn żewġ miljun persuna li bbenefikaw mill-esperjenza ta’ Erasmus+.

Biex il-ġenerazzjoni ta’ Erasmus+ tiġi involuta fit-tiswir tal-futur tal-programm, il-Kummissjoni nediet punt ta’ inkontru online għall-ġenerazzjoni ta’ Erasmus+ Erasmus+ Generation Online Meeting Point. Dan is-sit joffri liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet l-opportunità li jinvolvu ruħhom f’dibattiti ma’ żgħażagħ, esperti tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, jipproponu temi, jidentifikaw problemi u jippreżentaw soluzzjonijiet. L-app il-ġdida tikkomplimenta dawn l-isforzi.

Ruth Frendo – 37 sena

Ruth irrappreżentat lil Malta fi proġett tal-Erasmus+ bejn diversi pajjiżi li ppromwova l-inklużjoni soċjali. Matul il-proġett, Ruth intervistat persuni li qed ifittxu ażil u refuġjati f’Malta u rnexxielha tibni rapport man-nies fuq livell personali permezz tal-istejjer tagħhom. Ruth tgħallmet ħafna mill-esperjenza tagħha, u bniet relazzjonijiet dejjiema ma’ kollegi madwar l-Ewropa. Ir-riċerka ta’ Ruth ġiet tradotta f’seba’ lingwi Ewropej, u ssarrfet fil-produzzjoni ta’ dokumentarju televiżiv.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend