"Tiżirgħux il-firda iżda kabbru l-għaqda" – il-Prim Ministru | One News

Notifiki

“Tiżirgħux il-firda iżda kabbru l-għaqda” – il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-risposta li ta l-poplu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tfisser li ma jridx jieqaf nofs triq u se jibqa’ miexi ‘l quddiem.

“Għażilna l-pożittività fuq in-negattività,” qal Joseph Muscat li nnota kif dan il-poplu mhux se jħalli lil min jifirdu.

Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista ma kienx sorpriż bir-riżultat għax idu fuq il-polz tal-poplu.

“Kien riżultat li hu sabiħ wisq. Imma huwa riżultat li kien miktub. Ma jissorpendinix. Aħna ngħixu magħkom. Ngħixu man-nies. Parti minnkom,” qal dan il-Prim Ministru.

F’diskors umli, iżda determinat, il-Prim Ministru rringrazzja lil dawk kollha li urew fiduċja fil-Partit Laburista, b’mod partikolari l-Għawdxin.

Muscat qal “Kemm jien kburi li wara l-2013 għall-ewwel darba fl-istorja l-PL tella’ tliet deputati minn Għawdex minkejja li ma konniex ksibna maġġoranza ta’ voti. Kemm jien kburi li mhux biss ksibna tliet deputati iżda wkoll maġġoranza assoluta ta’ voti.”

Il-Prim Ministru kellu ringrazjament għall-kandidati kollha fid-distrett ta’ Għawdex, fosthom l-eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo.

Il-Prim Ministru qal “Nifhem li jkun hemm diżappunti. Imma deċizjonijiet nerfahom. Kulħadd kellu rwol fir-riżultat, kulħadd għandu rwol fil-Gvern. Dan hu kapitlu sabiħ fl-istorja tal-moviment. Kapitlu sabiħ fl-istorja ta’ Għawdex.”

Tkellem dwar kif mar għand il-kumpanija Bettson fl-ewwel impenn tiegħu bħala Prim Ministru fejn ġab fix-xejn il-gidba ta’ qabel l-elezzjoni li din il-kumpanija se titlaq minn Malta. Qal li issa jistenna inkjesta dwar l-akkużi fil-konfront tiegħu bil-għan li tkun imxejna gidba oħra.

“F’sens ta’ ġustizzja. Ma jistax jkun li tivvinta minn snienek u tippretendi li qatt ma ġara xejn. Kulħadd irid jerfa’ r-reponsabbiltà.

Joseph Muscat qal li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qiegħed imur Brussell għal diskussjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta instigata minn membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista biex ikun hemm diskussjoni dwar Malta.

Qal li dan hu test għall-oppożizzjoni fejn wieħed irid jara hux se jerġgħu jitkellmu kontra Malta.

Joseph Muscat tkellem dwar il-moviment li nbena madwar il-Partit Laburista u emfasizza l-ħtieġa li anke quddiem rebħiet bla preċedent kulħadd iżomm saqajh mal-art.  Hawn tkellem ukoll dwar il bżonn tal-għaqda.

Il-Prim Minsitru qal li “Kull min veru jemmen f’dan il-moviment m’għandux jirraġuna aħna u huma. Iżda għandu jagħti l-id tal-ħbiberija.”

Saħansitra qal li anke hu lest jaħdem ma’ Simon Busuttil minkejja l-gideb fuqu. Dan għax l-azzjonijiet tiegħu għandhom ikunu fl-interess tal-pajjiż. Żied li dan se jgħamlu bil-fatti mhux bil-kliem. Id-diskors tal-ftuħ tal-parlament mhux se jkun wieħed politiku, iżda se jkun iffokat fuq l-għaqda. Qal li minkejja l-isfida parlamentari li kien hemm il-gvern se jistieden lill-oppożizzjoni tinnomina deputat speaker u t-tielet proposta hi li kif jerġa’ jiftaħ il-parlament jibdew diskussjonijiet biex malajr kemm jista’ jkun jinħatar kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika bejn iż-żewġ naħat tal-kamra.

Intant, fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru rriaferma t-twemmin tiegħu li l-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend