Christopher Abela, eks-Pulizija ta’ 28 sena li jirrisjedi r-Rabat dalgħodu tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku fl-Imrieħel waqt li kien qed isuq mutur.
Huma diversi persuni li ħallew messaġġi ta’ dispjaċir fuq il-midja soċjali fejn sostnew kif dalgħodu kien xokk kbir għalihom li saru jafu bit-telfa ta’ ħabib kbir.
L-inċident tat-traffiku seħħ dalgħodu, għall-ħabta tad-9:00 fil-bypass tal-Imrieħel.
Abela ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post, kien qed isuq mutur Ducati 750, meta kellu impatt ma’ trakk tal-għamla DAF.
Ix-xufier u l-passiġġier tat-trakk ittieħdu l-Isptar Mater Dei isofru minn xokk.
L-investigazzjonijiet biex jiġi stabbilit x’wassal għal dan l-inċident għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett filwaqt li inħatret ukoll Inkjesta Maġisterjali.